Lokali

L-eks Segretarju Ġenerali tal-Labour jitwarrab “bi tpattija”

Evidenti d-diżappunt minn min ta ħajtu u ħinu għall-Partit Laburista.. u llum qed jitwarrab bla apoloġiji.

F’post li tella’ fuq Facebook, Jason Micallef jgħid li meta tkun tokkupa ċertu karigi fi ħdan partit, il-korrettezza hija standard ewlieni… għax il-membri ttesserati ma jixirqilhomx b’inqas… u jsostni li hu dejjem aġixxa b’korrettezza.

Micallef jgħid li mhux kulħadd jista’ jgħid l-istess.

F’messaġġ mhux daqstant sottili, Jason Micallef jfakkar kif hu għamel seba’ snin Segretarju Ġenerali tal-Partit Laburista… u wara… 12-il sena oħra jmexxi l-istazjon tal-Labour.

Micallef isostni li tul dawn is-snin… u anke tul is-snin li għamel jokkupa karigi pubbliċi… qatt ħadd ma akkużah bi skorrettezza, u jgħid li qatt ma stenna grazzi ta’ dan kollu.

Iżda l-eks Segretarju Ġenerali tal-Labour imbagħad jinsinwa li issa qed jitwarrab bi skopijiet preċiżi.

“…meta il-korrettezza tigi mminata ghal skopijiet ulterjuri, inkluz bhala tpattija, u jintuzaw mekkanizmi u individwi dubjuzi bil-provi, hemmhekk imbaghad tinholoq problema kbira li timmerita konfront”.

Mhux sigriet li Micallef kien qrib ferm ta’ Joseph Muscat… tant li f’Jannar, meta l-Pulizija għamlu tfittxija fid-dar tal-eks Prim Minsitru b’rabta mal-iskandlu Vitals…. Micallef ried iniżżel in-nies fit-toroq.

Il-Prim Ministru Robert Abela kellu biċċa xogħol jipprova jwarrab lin-nies ta’ Muscat mill-ogħla karigi fil-Partit…  u bosta qed jaraw din il-manuvra bħala parti mill-pjan biex iwarrab lil min fadal leali lejn Muscat u minflokhom ipoġġi persuni leali lejh.