Lokali

Qawsalla ta’ kuluri tiddomina l-Belt Valletta

Il-Belt Valletta kienet imżewqa minn qawsalla ta’ kuluri hekk kif is-Sibt wara nofsinhar, għal sena oħra ttella’ l-Pride March, li hu meqjus bħala l-qofol tal-Pride Week.

Din il-manifestazzjoni ssir fl-okkażjoni ta’ ġimgħa ddedikata għal attiitajiet b’messaġġi favur l-ugwaljanza fis-soċjetà, partikolarment għal persuni LGBTIQ+.

NET News żar it-toroq tal-Belt Valletta u tkellem ma’ wħud li attendew għal din il-parata, li spjegawlna għaliex jieħdu seħem f’din il-mixja. 

Din il-mixja, tittella sabiex jiġu mfakkra d-drittijiet ta’ persuni LGBTIQ+ filwaqt li għandha l-għan li tinkaroġġixxi lil min għadu beżgħan juri min verament hu lis-soċjeta’, sabiex jagħmel dan.

Dan il-Pride March iwassal ukoll diversi messaġġi dwar kif is-soċjetà għandha tkun aktar miftuħa biex tilqa’ nies b’orjentazzjoni sesswali u karratteristici ta’ ġeneru differenti u biex ħadd ma jkun beżgħan juri l-individwalità tiegħu.

Fost il-ħafna li attendew din il-mixja, kienu preżenti  wkoll il-Vici Kap tal-PN Alex Perici Calascione, is-Segretarju Ġenerali tal-PN Michael Piccinino, numru ta’ deputati tal-Partit Nazzjonalista, kif ukoll il-fergħa FOIPN.

Intant, aktar tard ilejla mistenni jitella kunċert kbir fil-pjazza ta’ Tritoni fil-Belt Valletta stess, fejn mistenni jieħdu sehem diversi kantanti u gruppi mużikali lokali.