Internazzjonali

Renju Unit: Il-funeral tar-Reġina Eliżabetta se jsir it-Tnejn, id-19 ta’ Settembru

Il-funeral tar-Reġina Eliżabetta se jsir f’Westminster Abbey (f’Londra) nhar it-Tnejn, id-19 ta’ Settembru — dejjem skont il-konferma li ngħatat mill-Palazz ta’ Buckingham.

It-tebut bil-katavru tar-Reġina se jkun qiegħed f’post pubbliku — skont it-tradizzjoni magħrufa bħala lying in state — għal erbat ijiem qabel il-funeral u n-nies se jkunu jistgħu jagħtuha l-aħħar tislima b’dan il-mod.

Fis-sigħat li jmiss, it-tebut tar-Reġina — li se tikkumpanjah il-Prinċipessa Anne — għandu jittieħed minn Balmoral lejn Holyroodhouse f’Edinburgh

Aktar kmieni fil-jum Charles III sar uffiċjalment ir-Re ġdid tar-Renju Unit waqt programm ta’ ċerimonji storiċi f’St James Park u fir-Royal Exchange ta’ Londra. L-aħħar żviluppi, intant, huma l-bidu ta’ era storika għall-monarkija u l-poplu Britanniku wara s-70 sena renju tar-Reġina Eliżabetta.

Il-folol li nġabru fiż-żewġ lokalitajiet biex jassistu għaċ-ċerimonji kantaw ‘God save the King’ fost id-daqq tal-baned u l-attivitajiet ċerimonjali tal-okkażjoni.

U waqt li spikka l-entużjażmu fuq wiċċ in-nies, ir-reazzjoni tagħhom kienet anki rispettuża għall-memorja ta’ Eliżabetta li mietet nhar il-Ħamis (fl-età ta’ 96 sena) fil-kastell ta’ Balmoral, fl-Iskozja.

Ir-Re Charles, li għandu 73 sena, għamel diskors qasir quddiem numru ta’ Eks Prim Ministri, Imħallfin ewlenin u uffiċjali oħra waqt laqgħa ta’ Kunsill ewlieni magħruf bħala l-Accession Council.

Hu  ħalef ġurament ta’ fedeltà lill-pajjiż u lill-poplu waqt li radd ġieħ lill-ommu u dak kollu li hi rnexxielha twettaq bħala Reġina minbarra li wiegħed biex (bħala Re) ikompli miexi fil-passi tagħha.

Preżenti għaċ-ċerimonji kien hemm ir-Reġina Camilla, il-mara ta’ Charles, flimkien ma’ sitt Eks Prim Ministri Britanniċi – Tony Blair, Gordon Brown, Boris Johnson, David Cameron, Theresa May u John Major. Attendew ukoll għaċ-ċerimonji l-politiċi li qed jokkupaw diversi karigi għoljin fil-Gvern.

Ir-Re Charles III – li hu t-62 Kap tal-monarkija fl-istorja tar-Renju Unit – anki approva vaganza (Bank Holiday) ġdida għall-jum tal-funeral statali tar-Reġina Eliżabetta.

Iċ-ċerimonja tal-Proklamazzjoni (għar-Re Charles) fir-Royal Exchange, fis-City of London, kienet it-tieni u l-aħħar ċerimonja għas-suċċessjoni uffiċjali li kienet segwita bid-daqq tat-trumbetti.

Intant, wara l-qari tal-Proklamazzjoni Prinċipali ndaqq l-Innu Nazzjonali u li kien segwit  mill-isparar tal-artillerija f’Hyde Park u viċin it-Tower of London,  fost l-applawż tal-folol.

Fis-sigħat li ġejjin iridu jseħħu aktar proklamazzjonijiet madwar ir-Renju Unit – fl-Iskozja, f’Wales u fl-Irlanda ta’ Fuq – u li jikkonkludu proprju llum.

Filwaqt li r-Re Charles, f’dawn il-jiem, uża kemm-il darba lir-Reġina Eliżabetta bħala punt ta’ referiment u ‘eżempju ta’ servizz lill-pajjiż’, iċ-ċerimonji tal-bieraħ ifissru wkoll li hu jrid iħares ’il quddiem lejn ir-renju tiegħu waqt li jikkunsidra l-aħjar mod li bih se jmexxi lill-monarkija.

Charles, issa, qed jiddedika l-kumplament ta’ ħajtu għar-responsabbiltajiet tiegħu bħala Re u Kap tal-Istat, b’dawn iċ-ċerimonji jissimbolizzaw it-trasferiment simboliku tax-xettru minn renju għall-ieħor.

Fl-istess ħin, l-istqarrija pubblika ta’ Charles li se jkompli jsegwi l-eżempju ta’ ommu r-Reġina, kienet ukoll mistennija fiċ-ċirkustanzi filwaqt li inkwadrat ‘fil-koreografija tal-kontinwità’ bħalma jixtieq il-poplu.