Lokali

Ġorġ Borg Olivier jibqa’ l-katalist u l-arkitett tal-viżjoni li kellu għall-kisba tal-Indipendenza

Awtur: Joe Zahra

F’dawn il-jiem ta’ Settembru l-Partit Nazzjonalista qiegħed jorganizza numru ta’ attivitajiet biex ifakkar l-anniversarju tal-kisba tal-Indipendenza storika ta’ pajjiżna. Din is-sena pajjiżna qed jiċċelebra t-58 anniversarju mill-kisba ta’ dan it-tragward ferm importanti li bidel mhux biss l-istorja ta’ pajjiżna, imma anki d-destinazzjoni li fiha terraq u li eventwalment wasslet għall-kisba tad-dħul ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea.

Proprju dwar is-sinifikat ta’ din il-kisba storika tkellimt fit-tul ma’ Joe M Zahra, Opinjonista u Eks Editur tal-ġurnal In-Nazzjon, li fiha għarbilna numru ta’ aspetti li joħorġu minn din il-ġrajja storika.

It-test sħiħ ta’ din l-intervista – l-ewwel parti tagħha llum u t-tieni parti nhar il-Ħadd li ġej – hu dan:-

Fil-21 ta’ Settembru pajjiżna jfakkar it-58 sena mill-kisba tal-Indipendenza ta’ pajjiżna. L-istorja ta’ kif wasalna għal din il-kisba ma kenix waħda faċli. Hi storja mifruxa fuq ħafna snin iżda sabet ir-realizazzjoni tagħha fis-snin ta’ wara l-gwerra dinjija meta l-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Ġorġ Borg Olivier ħadem u stinka biex pajjiżna ma jibqax kolonja u li l-aħjar mod biex Malta u Għawdex jimxu ’il quddiem kien li jkollna rajna f’idejna. Ħafna jiftakru dak il-jum sabiħ. Ħafna u ħafna oħrajn le. Iżda minn fejn bdejna biex wasalna sa din il-kisba storika?

Veru li l-Indipendenza nkisbet fil-21 ta’ Settembru tal-1964, iżda l-ħolma li pajjiżna jkollu rajh f’idejh kienet waħda li kiddet lill-antenati Nazzjonalisti tagħna għal bosta snin. Nitkellmu dwar Fortunato Mizzi, Giorgio Mitrovich, Salvu Cachia Zammit, Nerik Mizzi, Sir Ugo Mifsud u ħafna u ħafna oħrajn. Biss kellha tkun it-tenaċja ta’ Ġorġ Borg Olivier li wasslitna biex niksbu l-Indipedenza ta’ pajjiżna mir-Renju Unit.

Ġorġ Borg Olivier ikkontesta l-ewwel elezzjoni tiegħu fl-1939 meta kellu 28 sena. Minkejja ta’ età żgħira kien elett mill-ewwel darba li kkontesta, fl-1939. L-elezzjoni ġenerali kienet għall-Kunsill tal-Gvern u kien elett għall-Partit Nazzjonalista flimkien ma’ Sir Ugo Mifsud u Nerik Mizzi.

Għadda mill-ewwel mill-iebes meta ddepportaw lil Nerik Mizzi lejn l-Uganda u Sir Ugo Mifsud miet jiddefendi lil Nerik Mizzi fil-Kunsill tal-Gvern. Sab lilu nnifsu waħdu jżomm il-bandiera tal-Partit Nazzjonalista tperper!

Kienu żminijiet koroħ għall-Partit Nazzjonalista għaliex peress li l-Partit Nazzjonalista kien favur il-lingwa Taljana, għaliex dejjem qiesha bħal sur kontra l-imperjliżmu Ingliż u bħala mezz li permezz tiegħu ma ninbelgħux mill-Inġliżi, fi żmien ta’ gwerra pinġew lin-Nazzjonalisti bħala responsabbli għall-bombi li kienu qed jaqgħu fuq Malta. Iżda Ġorġ Borg Olivier ma qatax qalbu u baqa’ għaddej.

Il-gwerra ġiet fi tmiemha, Nerik Mizzi ġie lura mid-deportazzjoni u x’sar?

Appena Nerik Mizzi rritorna mill-Uganda bdew isiru tħejjijiet biex il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jingħata spinta. Saru l-elezzjonijiet għall-Kunsill tal-Gvern fl-1945 li l-Partit Nazzjonalista ma kkontestax.

Sadattant Malta ngħatat kostituzzjoni li kienet tixbaħ lil dik tal-1921 li l-Partit Nazzjonaluista ddeċieda li jikkontesta.

Fil-21 ta’ Settembru 1947, il-Partit Nazzjonalista sejjaħ l-ewwel Kungesss tiegħu ta’ wara l-gwerra li għalih attendew ikrar minn elf persuna.

Dan kien indirizzat minn Nerik Mizzi u approva l-Programm Elettorali għall-elezzjoni tal-1947. Saret l-elezzjoni ġenerali u l-Partit Nazzjonalista kiseb tmintax fil-mija tal-voti u seba’ deputati minn erbgħin. F’dik l-elezzjoni l-Partit Laburista, taħt it-tmexxija ta’ Pawlu Boffa, kiseb 59.9 fil-mija tal-voti u 24 siġġu. Inqas minn tliet snin wara l-Partit Laburista nqasam. Dom Mintoff inħatar Kap tal-Partit u Pawlu Boffa waqqaf il-Partit tal-Ħaddiema Maltin (CWP).

Fl-elezzjoni ġenerali ta’ Settembru tal-1950 il-Partit Nazzjonalista kiseb l-ogħla perċentaġġ ta’ voti, 29.6 fil-mija, il-Partit Laburista 28.6 fil-mija u l-Partit tal-Ħaddiema (MWP ta’ Boffa) kiseb 23.2 fil-mija. Nerik Mizzi nħatar Prim Ministru ta’ gvern ta’ minoranza.

Nerik Mizzi ma kellux igawdi il-kariga ta’ Prim Ministru għal ħafna żmien għaliex miet fl-20 ta’ Diċembru tal-1950 u nħatar Kap tal-Partit Nazzjonalista u Prim Ministru Ġorġ Borg Olivier.

Ġorg Borg Olivier kien l-id il-leminija ta’ Nerik Mizzi. Fit-tieni Kungress tal-Partit Nazzjonalista wara l-gwerra dak tat-18 ta’ Settembru tal-1949 Ġorġ Borg Olivier inħatar Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

S’issa fl-ebda ħin ma ssemmiet l-Indipendenza. Allura din kienet intefgħet taħt it-tapit?

Xejn minn dan! F’Ottubru tal-1949 Nerik Mizzi kien sofra attakk tal-qalb u Ġorġ Borg Olivier kien jidher għalih fil-Parlament. Meta bdiet toqrob l-elezzjoni ta’ Settembru tal-1950 il-Partit Nazzjonalista żamm Kungress fil-15 ta’ Awwissu.

F’xandira minn fuq ir-Rediffusion fit-13 tal-istess xahar Ġorġ Borg Olivier tenna li: “Jekk il-Partit Nazzjonalista fl-interess tal-ġid tal-Maltin qed jinsisti għal veru gvern responsabbli, jiġifieri li jkollu f’idejh il-kwistjonijiet u d-drittijiet politiċi kollha ta’ pajjiżna, ma hux qed jagħmel ħaġ’oħra ħlief jitħabat biex jikseb dak li l-istess Ingliżi bdew jammettu li jridu jaslu biex jiksbu l-kolonji kollha.”

B’dan il-paragrafu tifhem kemm kien politiku fin Ġorġ Borg Olivier. F’Malta l-idea tal-Indipendenza wara l-gwerra ma kenitx għadha daħlet. Ma tantx kienet tinżel tajjeb fost il-maġġoranza tal-Maltin. Allura Ġorġ Borg Olivier jgħid lill-Maltin li l-Ingliżi qed jammettu li jridu jagħtuha lill-kolonji kollha u allura għaliex aħna le!

Kien hemm l-elezzjoni ġenerali tal-1950 u x’ġara?

Kif għedt ikar ’il fuq f’din l-elezzjoni l-Partit Nazzjonalista l-iktar li kiseb voti u għalhekk ifforma gvern ta’ minoranza b’Nerik Mizzi Prim Ministru.

Wara l-mewt ta’ Nerik Mizzi, Ġorġ Borg Olivier sab lilu nnifsu Kap tal-Partit Nazzjonalista u Prim Ministru. F’Mejju tal-1951 saret elezzjoni ġenerali oħra li fiha l-Partit Nazzjonalista eleġġa ħmistax-il Deputat, il-Partit Laburista eleġġa erbatax, il-MWP ta’ Boffa seba’ u l-Partit Kostituzzjonali erbgħa. Il-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Ġorġ Borg Olivier daħal fi gvern ta’ koalizzjoni mal-Partit ta’ Boffa.

F’Mejju tal-1952 Ġorġ Borg Olivier mexxa delegazzjoni Ministerjali għal taħditiet f’Londra. F’dawn it-taħditiet minbarra dwar affarijiet ekonomiċi tkellem ukoll dwar arranġamenti dwar kwisjonijiet kostituzzjoni.

Fis-sena ta’ wara, fl-1953 kellha ssir l-inkonorazzjoni tar-Reġina Eliżabetta II. Minħabba li l-Gvern qies li pajjiżna ma kienx qed ikun ittrattat tajjeb, il-Prim Ministru Ġorġ Borg Olivier għażel li ma jmurx għaċ-ċelebrazzjonijiet.

Fuq intervent tal-istess Reġina u l-Prim Ministru Winston Churchill kien deċiż li Malta tingħata l-istess trattament ta’ pajjiżi tal-Commonwealth billi l-bandiera Maltija tittella’ waħedha matul iċ-ċelebrazzjonijiet rjali u l-Prim Ministru Malti jkun mal-Prim Ministri tal-Commonwealth fiċ-ċelebrazzjonijiet.

Spiċċaw iċ-ċelebrazzjonijiet u l-Prim Ministru Ġorġ Borg Olivier, qabel irritorna lejn Malta, ippreżenta lill-Ministru tal-Istat għall-Kolonji memorandum ,li jfisser ir-raġunijiet għaliex l-affarijiet ta’ Malta kellhom jiġu trasferiti mill-Uffiċċju tal-Kolonji għall-Uffiċċju tal-Commonwealth.

Dan nistgħu nqisuh l-ewwel pass konkret wara t-tieni gwerra dinjija lejn it-talba ta’ pajjiżna biex jikseb l-Indipendenza fi ħdan il-Commonwealth.

Għamilna l-ewwel passi iżda imbagħad ma sarx kollox suf bil-proposta tal-integration?

Kollox suf le! Iżda morna snin lura. Fl-1953 saret elezzjoni oħra li fiha l-Partit Laburista ħareġ l-ikbar partit b’dsatax-il Deputat. Il-Partit Nazzjonalista kellu tmintax u l-partit ta’ Pawlu Boffa tlieta.

Reġa’ nħatar gvern ta’ kolaizzjoni bejn il-Partit Nazzjonalista u l-MWP. Iżda dan m kellux ħajja twila. L-Ingliżi m’għoġbithomx il-politika tal-Partit Nazzjonalista li ried indipendenza għal pajjiżna.

Għalhekk bdew jaħdmu minn taħt fuq il-proposta tal-Integration. Sabu f’Lord Mountbatten alleat kbir. Dan ma tantx kien jara ħelu lil Ġorġ Borg Olivier għaliex dan ma kienx ħalla liż-żwiemel tal-kavallerija tal-Korp tal-Pulizja jintużaw minn Mountbatten biex jilgħab il-polo fil-Marsa. Dan, flimkien mal-Gvernatur Sir Robert Laycock, ħadmu id f’id ma’ Dom Mintoff favur l-proposta tal-Integration. Il-poplu kien mogħmi bil-wiegħda li jekk Malta tintegra mar-Renju Unit kien jibda jkollu paga ta’ disa’ liri fil-ġimgħa. Id-doppju li kienu jaqilgħu l-Maltin.

Wara ħafna manuvri l-gvern ta’ koalizzjoni Nazzjonalista kien megħlub u saru l-elezzjonijiet fi Frar 1955 li fihom il-Partit Laburista tella 23 Deputat u l-Partit Nazzjonalista sbatax.

Hekk bdiet il-ġlieda tal-Partit Nazzjonalista kontra l-integration. Ġlieda li għall-Partit Nazzjonalista kienet tfisser ħajja jew mewt għaliex fl-integration kien ikun addio għal pajjiżna li jikkmanda lilu nnifsu.

Konna nsiru parti mir-Renju Unit, qatra ilma f’nofs oċean. Basta jkollna tliet membri parlamentari f’House of Commons ta’ iktar minn 600 membru!

Kif spiċċat il-proposta tal-integration?

Sar referendum li fih il-Gvern ta’ Dom Mintoff daħħal il-kunċett tat-‘trusted friend’. Il-Partit Nazzjonalista wieġeb billi ordna bojkott għall-istess referendum. Ir-referendum sar. Ir-riżultat kien: Voti favur – 67,607; Astjenew – 62,480; Voti kontra – 20,177 u Voti Nulli – 2,559.

Għalkemm ir-riżultat kien jidher li kien wieħed favur l-integration kulmin kien konxju mill-bojkott, inklużi l-Ingliżi, irrealizzaw li l-proposta ma kelliex l-appoġġ tal-maġġoranza tal-Maltin.

Sadattant fl-1956 faqqgħet il-gwerra tal-Kanal tas-Swejz fejn l-Ingliżi u l-Franċiżi ma ħarġux rebbieħa. F’daqqa waħda r-Renju Unit tilef il-pożizzjoni tiegħu bħala potenza militari u beda jnaqqas il-forzi militari tiegħu minn kullimkien.

Malta ma kenitx eċċezzjoni u anke fuq pajjiżna kienet se taqa’ l-giljottina tas-sensji. Il-Gvern Ingliż deher li ftit kien għad baqgħalu interess fl-integration. Dan wassal biex il-Gvern ta’ Dom Mintoff jibdel ir-rotta u jmur għall-istess linja politika tal-Partit Nazzjonlista.

Fit-30 ta’ Diċembru 1957 il-Parlament Malti ressaq mozzjoni b’urġenza proposta mill-Prim Ministru Dom Mintoff u ssekondata mill-Kap tal-Oppożizzjoni Ġorġ Borg Olivier li kienet tgħid: “Darba l-Gvern Ingliż ma jridx jonora l-obbligu li daħal għalih fid-Dikjarazzjoni ta’ Lulju 1955, li jevita l-qgħad, ir-rappreżentanti tal-poplu Malti fil-Parlament miġbura, jiddikjaraw li jinħallu mill-pattijiet u obbligi li għandhom lejn il-Gvern Ingliż u minn dan sa llum assunti lejn l-alleati tiegħu – u dan sakemm il-Gvern Ingliż ma jagħtix garanzija li l-għadd tan-nies miegħu mpjegati f’Malta ma jonqosx qabel ma jkun hemm ‘alternative employment’ għan-nies li jingħataw is-sensji.”

Din baqgħet magħrufa bħala l-“Break with Britain Resolution”. Mozzjoni li wasslet lil Dom Mintoff u lill-Partit tiegħu biex huma wkoll, bħall-Partit Nazzjonslista, jaqbdu t-triq tal-Indipendenza għal pajjiżna.