L-Armata tal-Ukrajna qalet li l-qawwiet tagħha, fl-aħħar sigħat, ħatfu lura ‘il fuq minn 3,000 kilometri kwadri ta’ art Ukrena li sa ftit ilu kienet okkupata mill-qawwiet tar-Russja. B’hekk qed ikomplu s-suċċessi militari tal-Ukreni fost il-kontro-offensiva rapida li qed tmexxi l-Armata fir-reġjuni tal-lvant tal-Ukrajna.
L-aħħar avvanzi jfissru li l-qawwiet tal-President Ukren Volodymyr Zelensky x’aktarx li rnexxielhom jieħdu ‘daqs tliet darbiet aktar art’ lir-Russi milli kien imbassar fil-bidu tal-offensiva. Dan ukoll meta l-aħħar kisbiet militari għat-truppi Ukreni saru possibbli f’perjodu ta’ 48 siegħa biss..
Sadanittant, is-sorsi indipendenti għadhom ma kkonfermawx uħud mis-suċċessi militari li ħabbret l-Ukrajna u meta l-ġurnalisti mhumiex qed jingħataw aċċess lejn iz-zoni tal-gwerra.
Madankollu, it-truppi Ukreni, fi tmiem il-ġimgħa, daħlu fl-ibliet importanti ta’ Izyum u Kupiansk, bir-riżultat li r-Russi f’dawk iz-zoni spiċċaw jirtiraw lejn il-periferiji ta’ dawn l-ibliet li huma hubs importanti għat-trasport tal-provvisti lill-qawwiet ta’ Moska.
Fl-istess ħin, kien hemm indikazzjonijiet li l-ġlied kien qed ikompli fl-inħawi ftit ‘il barra minn Izyum u Kupiansk – b’uffiċjali fi Kiev jgħidu li l-militar Ukren ‘kien għadu qed jiġġieled’ biex jieħu l-kontroll anki f’xi zoni residenzjali fil-madwar ta’ Izyum.
Il-Ministeru tad-Difiża tar-Russja kkonferma l-irtirar tal-qawwiet tiegħu minn Izyum u Kupiansk iżda prova jagħti versjoni differenti dwar l-aħħar żviluppi. Dan meta l-kelliema Russi qalu li l-irtirar ‘se jippermetti biex il-qawwiet ta’ Moska jorganizzaw ruħhom mill-ġdid fl-artijiet Ukreni kkontrollati mis-separatisti alleati tar-Russja’.
Ir-Russi anki kkonfermaw l-irtirar tal-qawwiet tagħhom mill-belt ta’ Balaklyia, u skont huma dan kellu jsir ‘biex huma jirrinfurzaw il-militar (Russu) fil-front ta’ Donetsk’.
Fl-istess ħin, it-Tmexxija tal-Gvern fir-reġjun ta’ Kharkiv li hi kontrollata minn Moska rakkmandat biex in-nies fir-reġjun jevakwaw lejn ir-Russja ‘biex isalvaw ħajjithom’. Dawn it-tip ta’ kummenti, sadanittant, qegħdin juru kemm il-qawwiet Russi nqabdu fuq sieq waħda minħabba r-rapidità tal-kontro-offensiva tal-Ukreni.
Min-naħa tiegħu, il-Mexxej taċ-Ċeċenja, Ramzan Kadyrov, li hu sostenitur qawwi tal-President Russu Vladimir Putin, ħareġ messaġġ li fih jikkritika l-aħħar irtirar mit-truppi Russi fl-artijiet tal-Lvant. Kadyrov qal li jekk jibqa’ ma jseħħx xi tibdil fiċ-ċirkustanzi militari tar-Russi, ‘hu se jkun kostrett li jiddubita kemm it-Tmexxija f’Moska għandha l-kapaċità biex tirrimedja s-sitwazzjoni’
Minkejja dan, iżda, il-qawwiet Russi xorta għadhom qed jikkontrollaw madwar 20 fil-mija tal-Ukrajna u ftit huma dawk li jaħsbu li l-gwerra tista’ qed tasal fi tmiemha.
//= $special ?>

