“Għand min qed imorru “s-sussidji” tal-enerġija? Għaliex il-Prim Ministru Robert Abela qed jibqa’ jiddefendi dak li ma hux difendibbli? Għaliex flok ma jagħżel li jipproteġi b’mod effettiv il-veri interessi tal-poplu Malti u Għawdxi, Robert Abela qiegħed jibqa’ indifferenti quddiem dan l-iskandlu li qed jiswa lill-Kaxxa ta’ Malta l-mijiet tal-miljuni?”
Dawn il-mistoqsijiet għamilhom ma’ Il-Mument Mark Anthony Sammut, il-Kelliem għall-Enerġija tal-Partit Nazzjonalista, meta nhar il-Ġimgħa tkellimt miegħu dwar l-aħħar żviluppi xokkanti fil-konfront tal-ftehim sigriet li l-Eks Ministru Korrott Konrad Mizzi għamel mas-Socar minn wara dahar il-poplu Malti.
Mark Anthony Sammut beda biex fakkar kif il-ġimgħa l-oħra kien żvelat ftehim ieħor li jġib il-firma tal-Eks-Ministru Konrad Mizzi. Ftehim dwar il-provvista tal-gass li l-Gvern Malti ffirma mas-Socar tal-Azerbaijan, lura fl-2015.
Dan hu ftehim li tħalla moħbi u li l-Ministru Miriam Dalli għamlet minn kollox biex jitħalla moħbi u li ġie biss pubblikat wara ġlieda ta’ aktar minn sena li fiha saru numru ta’ talbiet taħt il-Freedom-of-Information. Kien biss wara deċiżjoni tal-Kummissarju għalll-Informazzjoni u Protezzjoni tad-Data li l-Ministru Dalli kienet ordnata tbaxxi rasha u tippubblika dan il-ftehim.
Mark Anthony Sammut fisser li “issa sirna nafu għaliex għamlu minn kollox biex iżommuh moħbi. Dan il-ftehim ikompli jikxef il-qerq u l-korruzzjoni wara l-proġett tal-Electrogas.
“Proġett li biex sar infetħu kumpaniji sigrieti fil-Panama biex fihom idaħħlu l-kummissjonijiet, saret garanzija bankarja bla preċedent ta’ €432 miljun li rriskjat l-ekonomija ta’ pajjiż sħiħ, intrabatna li nixtru elettriku bil-għoli, intrabatna li nixtru l-gass bil-għoli, u saħansitra tfarrku l-istituzzjonjiet ta’ pajjiżna biex ma tkunx tista’ tittieħed azzjoni, sa ma spiċċat anke inqatlet ġurnalista. Dan kollu biex ftit nies jieħdu €5,000 kuljum f’kumpaniji sigrieti.”
Mark Anthony Sammut kompla li dan il-ftehim jikxef li l-Gvern Malti ta garanzija mingħajr ebda kundizzjoni li l-poplu Malti jerfa’ d-djun kollha li l-Electrogas setgħet tagħmel mas-Socar fejn jidħol xiri ta’ gass.
Filwaqt li staqsa għalfejn kellu bżonn isir dan il-ftehim, Mark Anthony Sammut enfasizza li għax lanqas is-Socar ma kienet konvinta li l-Electrogas hija finanzjata u kapaċi tħallas. Allura ma kinetx lesta tirriskja biex tbiegħhielha l-gass.
“F’pajjiż normali, jekk l-Electrogas ma kellhiex finanzjament, ma kinetx tieħu t-tender hi mill-ewwel, u l-kuntratt kien imur għand operatur ieħor li tefa’ l-offerta. Imma tant il-Gvern Laburista kien marbut li dan il-kuntratt tieħdu l-Electrogas, li kien lest jitfa’ r-riskji kollha tal-proġett fuq il-poplu, filwaqt li l-profitti jeħduhom huma,” qal il-Kelliem għall-Enerġija tal-Partit Nazzjonalista.
Hu ssokta li dan ħoloq diskriminazzjoni anke fejn jidħol l-għoti tal-kuntratt. Għax li kieku operaturi oħra kienu jafu minn qabel li l-Gvern ħa jkun qed jerfa’ r-riskji kollha hu, żgur li ħafna iżjed oħrajn kienu jitfgħu l-offerta tagħhom, probabbli anke b’rati u b’termini iżjed vantaġġjużi minn dawk li ħadna. “U għalhekk bħala Oppożizzjoni qed nerġgħu nitolbu li Konrad Mizzi jerġa’ jixhed quddiem il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi fejn qed jiġi investigat l-għoti ta’ dan il-kuntratt.”
Hu żied li apparti minn hekk, “illum nafu li l-Gvern mhux biss ħeba dan il-ftehim, imma saħansitra gideb dwaru fil-Parlament. F’Mistoqsijiet Parlamentari li saru fil-15 u 22 ta’ Ġunju tal-2015 dwar l-eżistenza ta’ dan is-Security of Supply Agreement, il-Gvern kien gideb u qal li dan il-ftehim qed jiġi diskuss mal-Kummissjoni Ewropea.
“Illum qed insiru nafu li dan il-ftehim mhux talli ma ġiex diskuss mal-Kummissjoni, talli ġie moħbi minnha minħabba l-biża’ li jmur kontra r-regoli u l-prinċipji Ewropej, bil-konsegwenzi kollha li din id-deċiżjoni tista’ ġġib magħha.
“Kemm konna nkunu aħjar illum kieku flok ħlejna tant miljuni fuq commissions, fuq korruzzjoni, fuq windfarms fil-Montenegro, għażilna li ninvestu f’enerġija rinovabbli, enerġija nadifa, enerġija li ma tiddependix mill-prezzijiet internazzjonali tal-gass u ż-żejt,” enfasizza Mark Anthony Sammut.
Hu kompla li issa bħalma gidbu dakinhar biex jgħattu xturhom, u biex jiddefendu lil Konrad Mizzi u Joseph Muscat, ma tistax lanqas tafdahom illum. Dan is-settur tant ġie mtappan b’ħabi, b’gideb, b’qerq u korruzzjoni, li llum qed ituna biss stampa impaċjpra.
“Qed nisimgħu ħafna kalkoli, ħafna ċifri, ta’ kemm suppost qed jiffrankawlna flus mill-kontijiet bis-“sussidji” li qed iħallsu fuq l-enerġija. Imma kif nistgħu nemmnu dawn iċ-ċifri jekk l-ebda kuntratt, l-ebda ftehim, u l-ebda obbligu legali li daħlu fih mhu pubblikat?” staqsa Mark Anthony Sammut.
Hu żied jistaqsi min qed jitħallas mis-sussidji li hu rappurtat li l-Gvern qed jagħti għall-enerġija? Għand min qed imorru dawn is-suppost “€250 miljun jew aktar”? Għand l-Enemalta, għand l-Electrogas, għand is-Shanghai Electric, għand is-Socar tal-Azerbaijan?
Mark Anthonu Sammut spjega kif kull meta ssir Mistoqsija Parlamentari, il-Ministru dejjem taħrab u twieġeb li s-sussidji qed imorru għand il-konsumaturi. Imma fil-verità l-konsumaturi ma huma jirċievu xejn ħlief l-istess kontijiet li għadhom jisirquhom, bis-sistema li l-Qorti diġa’ qalet li hi illegali, u li l-Awditur Ġenerali kkonferma li qed tisraq lin-nies €6.5 miljun.
“Allura għand min sejrin dawn is-sussidji? Il-profitti ta’ min qed nissussidjaw mit-taxxi tagħna?”, reġa’ staqsa Mark Anthony Sammut?
“La qed inħallsu għalihom aħna, bit-tnaqqis mill-fondi għall-infrastruttura tagħna, bit-tnaqqis mill-fondi għall-edukazzjoni ta’ uliedna, bit-tnaqqis ta’ proġetti kapitali, għandna kull dritt inkunu nafu għand min qed imorru,” temm Mark Anthony Sammut.
//= $special ?>