Lokali

IL-PIŻ TAL-GĦOLI TAL-ĦAJJA: Tbatija ta’ omm li mhux twassal sal-aħħar tax-xahar

“Neżisti biss, mhux ngħix”

Dan huwa t-titlu li ddomina l-faċċata tal-gazzetta illum fejn tkellmu ma’ omm li qed tmiss mar-realtà tal-faqar, li qed tipprova tgħaddi minn jum għall-ieħor.

Fl-aħħar ġimgħat rapporti żvelaw kif qed jiżdied l-ammont ta’ persuni li qed imorru għand il-foodbanks u jitolbu l-għajnuna lill-parroċċi.

Fl-intervista tal-Ħadd, omm titkellem dwar kif kull ma jmur qed issibha diffiċli biex twassal sal-aħħar tax-xahar. L-omm għandha tliet ulied, u għandha wkoll żewġ slipped disks u minħabba f’hekk ma tistax taħdem.

Hija qalet mal-illum li kappriċċi ma tagħmilx għax ħbieb ma tantx għandha. Għamlet enfasi li l-flus ma tonfoqhomx fuq id-dwiefer u x-xagħar, kif ħafna jaħsbu, anzi l-oppost.

Irrakontat l-esperjenza tagħha fejn marret għat-tieġ tan-neputi tagħha b’żarbun imqatta’, iżda għamlet minn kollox biex rat lil binha pulit, u rnexxielha tagħti wkoll rigal ċkejken lin-neputi. Madankollu biex għamlet dan hija kellha tagħmel sagrifiċċji kbar.

L-omm irrakuntat li kważi qatt ma xtrat ikel li mhux bżonnjuż u tenniet li fl-aħħar xhur il-piż tal-għoli tal-ħajja żdied.

Il-mara qalet li l-ispejjeż tal-iskola issa żdiedu wkoll, u li għalkemm hemm l-għajnuna, din mhux biżejjed. Hija qalet li l-flus taċ-Children Allowance iżżommhom għat-tfal.

Hija stqarret li ġieli meta ssib darha mal-ħajt ikollha ddur fuq ommha, biex ittiha ftit flus, imma ommha ftit tkun tista’ tagħti, għax il-pensjoni tagħha hija ftit. L-intervista kompliet li minħabba dawn il-piżijiet kollha, l-omm tbati bid-dipressjoni u jkollha tixtri l-mediċina biex tieħu l-kura, bil-piżijiet fuqha u fuq il-familja tagħha jkomplu jiżdiedu.