“Innotajt li malli tħabbret il-mewt tar-Reġina Eliżabetta t-Tieni fl-età venerabbli ta’ 96 sena, kulħadd ħass qisu tingiża ta’ swied il-qalb; qisha kienet tiġi minnu.
“Il-verità hi li tant drajniha bħala Reġina, għax kienet l-iktar Reġina li damet fuq it-Tron mhux biss fl-Ingilterra iżda fid-dinja, li malli naqset, qisu tlifna parti minna.”
Hekk beda biex qalli Tonio Borg, l-Eks Kummissarju Ewropew u Eks Ministru tal-Affarijiet Barranin, meta nhar il-Ġimgħa tlabtu l-kummenti tiegħu wara l-aħbar tal-mewt tar-Reġina Eliżabetta II.
Tonio Borg beda biex fisser li għal ħafna ġenerazzjonijiet ir-Reġina kienet hi. Issa li m’għadhiex magħna nħossu qisu vojt, qisu hemm xi ħaġa nieqsa. Minn fejn ġejjin dan ir-rispett u din l-ammirazzjoni?
Ir-Reġina Eliżabetta ma twelditx biex issir Reġina. Kienet bint id-Duka ta’ York, ħu l-Prinċep Ereditarju David, l-istess Duka ta’ York li inawgura fis-sena tat-twelid tagħha t-triq li twasslek għal Kastilja mill-Floriana u li għal żmien twil kienet tissejjaħ Vjal id-Duka ta’ York. Meta fl-1936 zijuha abdika għat-Tron, misssierha, bla mistenni, sar Re u hi saret il-prinċipessa ereditarja.
“Jiena kelli x-xorti li niltaqa’ magħha darbtejn. Darba fl-2005 meta ġiet Malta għas-Summit tal-Commonwealth, meta akkumpanjajt lill-Prim Ministru Lawrence Gonzi in rappreżentanza tal-Gvern u żorniha fil-Palazz ta’ San Anton, Palazz li kienet taf sew.
“Magħha kellha lill-Ministru Jack Straw li kien qed jakkumpanjaha. . Kollox sar bit-tradizzjoni ta’ preparazzjoni Ingliza. Qabel ma dħalna ġie wieħed militari, żagħżugħ li seta’ kien ibni jew iben Lawrence, u qalilna kif għandna nindirizzaw lir-Reġina… “Ma’m as in ham”. U dħalna.
“Laqatni s-sens ta’ dover tagħha. Kull kelma li qalet kienet meqjusa. La żejda u lanqas nieqsa. Staqsietna dwar il-problema tal-immigrazzjoni u ħwejjeġ oħra u l-ħin kollu kellha dik l-arma li żżarmak… it-tbissima solari tagħha li tgħinek tħossok komdu magħha.”
Tonio Borg jirrakkonta li “dakinhar innotajt ukoll l-imħabba tal-poplu Malti, l-aktar ta’ dawk xi ftit anzjani, għar-Reġina. Ma ninsewx li qabel ma saret Reġina, meta kienet għadha Prinċipessa u żewġha kien għadu uffiċjal fil-Flotta Rjali, hi kienet qattgħet xi sentejn f’Malta.
Hi stess tgħid li qatt ma għexet barra mill-Ingilterra ħlief f’Malta fis-snin ħamsin.
Kienu jiem sbieħ għaliha bħala l-mara ta’ ufficjal tal-flotta. Ħielsa. Mingħajr sigurtà żejda.
Kienet iddur u tiltaqa’ man-nies. Meta snin wara rrakontat lill-President Eddie Fenech Adami kemm irħula kienet żaret, fosthom iż-Żejtun, iż-Żurrieq u l-Qrendi, Eddie Fenech Adami qalilha li probabbli kienu saquha.
Qaltlu: “Le, Sur President… soqt jien stess.”
Għalhekk il-poplu Malti dejjem ħabbha. Dakinhar tas-Summit tal-2005, kont vicin tagħha meta għamlet “walk about” Strada Rjali fil-Belt. Grupp ta’ nisa Maltin xi ftit avvanzati fl-età bdew jagħjtulha u jgħidulha “you are still our queen.” Tbissmet u ma qalet xejn.
It-tieni okkazjoni kienet iktar memorabbli. Fl-2010 meta attendejt għan-nom tal-Prim Ministru Lawrence Gonzi is-Summit tal-Commonwealth f’Perth fl-Awstralja.
Il-Prim Ministru ma setax jiċċaqlaq minn Malta minħabba l-kriżi ekonomika mondjali u l-qagħda tal-Ewro. Meta ġejna għaċ-ċena tradizzjonali li ssir għall-kapijiet tal-Istat u l-Gvern tal-pajjiżi tal-Commonwealth, laqtuni diversi affarijiet.
Ir-Reġina kienet tħobb sew il-Commonwealth… dan il-mezz brillanti kif ir-Renju Unit iżomm rabta mal-eks-kolonji tiegħu, mingħajr ma jimponi fuqhom. Diversi repubbliki bhall-Indja, l-Afrika t’Isfel, is-Sri Lanka u Malta huma membri tal-Commonmwealth, u għalkemm ir-Reġina ma hix il-kap tal-istat tagħhom, jirrikonoxxuha bħala Kap tal-Commonwealth.
“L-ewwel ħaġa li laqtitni kienet li ġarrew minn Londra għall-Awstralja sett ta’ pożati ta’ kull wieħed mill-54 pajjiż tal-Commonwealth bl-arma individwali ta’ kull pajjiż fuq is-skieken, il-frieket u l-imgħaref! Ħaġa żgħira iżda li impressjonatni.
“Iżda l-iktar li impressjonatni kienet l-għażla ta’ Malta li toqgħod fuq il-mejda fejn kienet hi. L-imħabba tagħha għal Malta hija l-unika raġuni għaliex l-iżgħar pajjiż fil-Commonwealth tpoġġa fuq il-mejda tagħha,” qal Tonio Borg.
Hu kompla li l-esperjenza tagħha ta’ snin twal tiltaqa’ ma’ kull xorta ta’ nies, u inċidenti u stejjer, stajt tarah. Ftit kliem iżda bis-sens. Tbissima ’l hawn u ’l hemm, tipprova tagħti importanza lil kulħadd, tiekol ftit iżda tiekol kollox.
Fuq il-mejda kien hemm il-President tal-gżejjer Maldives li ftit wara ġie mneħħi f’kolp ta’ stat. Beda jgħidilha li biex jiġbed it-turiżmu lejn pajjiżu kien organizza laqgħa tal-Kabinett taħt il-baħar! Bdejt nimmaġina lil xi wħud mill-Ministri Maltin jagħmlu dan!
Fil-pront intervjenejt u għidt li probabbli kien diffiċli żżomm il-minuti tal-Kabinett taħt il-baħar. Tbissmet b’dik it-tbissima magħrufa tagħha. F’daqqa waħda qamet u talbitna nidħlu f’kamra oħra għall-kafè.
Kif poġġejt il-kikkra tiegħi ma’ xoffti ħassejt taptipa ħafifa fuq spallejja. Dort u kien hemm ir-Reġina. Saqsietni dwar il-Prim Ministru u l-krizi tal-Ewro u wara 30 sekonda kompliet ma’ ħaddieħor… qisha naħla ħelwa li ddur b’attenzjoni kull fjura madwarha. Kien diġà kellha dakinhar 84 sena, iżda kienet twettaq dmirha għal pajjiżha b’serjetà kbira.
Għaliex insemmi wkoll il-qies? Fl-aġir tagħha u fi kliemha (kuntrarjament għal żewġha li iżda kien blata għaliha) kienet dejjem meqjusa u prudenti.
Kienet tevita kull kontroversja politika, qisha ma għandhiex opinjoni politika tant hu veru li l-membri tal-Familja Rjali ma jivvotawx! L-unika darba li ħarġet aħbar li kellha xi tgħid ma’ Prim Miniatru kien ma’ Margaret Thatcher meta din ta’ l-aħħar opponiet l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet kontra l-gvern tal-bojod tal-Afrika t’Isfel. Il-bqija dawk il-laqgħat mal-Prim Ministru tar-Renju Unit kull tant żmien saru laqgħat kunfidenzjali li fih hi kienet twettaq id-dmirijiet limitati tagħha kostituzzjonali ċioè li “twissi, tinkoraġġixxi u tagħti pariri”… biex nuża frażi tal-ġurnalista famuż Ingliz Bagehot.
Kienet nisranija konvinta u probabbli li l-fidi tagħha, li kienet ġejja wkoll mill-fatt li kienet il-Kap tal-Knisja Anglikana, sostnietha fl-inżul u t-tlajja tal-ħajja.
Mistoqsi dwar il-problemi li kellha tiffaċċja tul is-snin li għaddew, Tonio Borg fisser li iva, problemi kellha. Fosthom l-inċident ta’ meta oħtha l-Prinċipessa Margaret riedet tiżżewweġ fis-snin ħamsin lil wieħed divorzjat, jew it-tifrik taż-żwiġijiet ta’ uliedha, jew il-kontroversji madwar binha Andrew.
Hi stess darba ddeskriviet is-sena 1992 bħala “annus orribilis”. Iżda l-fidi f’Alla sawritha minn ġewwa bi trankwilità u kalma. Anki meta wieħed diżokuppat irnexxielu jidħol fil-kamra tas-sodda tagħha fil-Palazz ta’ Buckingħam, baqgħet kalma, bdiet tkellmu u tisimgħu sakemm waslu tas-sigurtà.
Mistoqsi dwar il-futur tal-Monarkija Ingliża, Tonio Borg qal li “ma għandix dubju li t-twegiba hija: Iva. Min jaf il-karattru tal-poplu Ingliż, jaf kemm jgħożż il-Monarkija bħala teżor nazzjonali. F’ħafna affarijiet l-Ingliżi jidhru liberali, iżda għandhom tradizzjonijiet qawwija li ma jirrinunzjawx għalihom malajr. Il-Monarkija hija waħda minnhom. Terġa’ l-Princep, issa ir-Re, Karlu, ilu sittin sena minn mindu ġie “midluk” Prinċep ereditarju f’ċerimonja f’Wales, jiġifieri immatura u ġie addestrat tajjeb. Dan l-aħħar ir-Reġina stess bdiet tiddelega ħafna ċerimonji lilu, mhux biss għaliex saħħitha kienet sejra lura, iżda wkoll biex tibgħat il-messaġġ li kellha fiduċja fis-suċċessur tagħha u martu, u f’ibnu l-Prinċep William.”
Tonio Borg temm li l-mewt tar-Reġina Eliżabetta mhux se tnessina fil-jiem sbieħ li għamlet f’Malta, fil-post speċjali li aħna kellha għaliha f’qalbna u hi f’qalbha. Diffiċli jkun hemm Kap ta’ Stat bħalha, iżda l-eżempju ta’ ħajjitha u s-sens ta’ dover u qies tagħha, żgur li se jnebbħu r-renju ta’ binha r-Re Karlu III.
//= $special ?>