L-aħħar vjaġġ bit-tebut tar-Reġina Eliżabetta t-Tieni beda fl-aħħar sigħat u bħala parti minn ċerimonja solenni li tikkonkludi bil-funeral li se jsir it-Tnejn, id-19 ta’ Settembru, f’Westminster Abbey.
Numru kbir ta’ nies sellmu lit-tebut waqt li kien qed jitwassal b’hearse mill-Kastell ta’ Balmoral lejn il-kapitali Skoċċiża Edinburgh u fejn għalissa se jinżamm fil-Palazz ta’ Holyroodhouse.
Fl-aħħar sigħat ukoll il-folol assistew għall-proklamazzjoni tradizzjonali tar-Re Charles III, is-suċċessur tar-Reġina, fl-Iskozja, Wales u l-Irlanda ta’ Fuq.
Iċ-ċerimonji tal-proklamazzjoni saru fir-Royal Mile, viċin il-Katidral ta’ St Giles, kif ukoll fil-Kastell ta’ Cardiff, f’Wales u fil-Kastell ta’ Hillsborough, f’County Down, fl-Irlanda ta’ Fuq.
Proprju erbat ijiem qabel il-ġurnata tal-funeral, il-poplu se jkollu l-opportunità li jimxi minn qrib it-tebut tar-Reġina Eliżabetta u jsellmilha għall-aħħar darba bħala parti mit-tradizzjoni magħrufa bħala lying in state.

It-tebut tar-Reġina, minn għada, se jkun qiegħed fil-Katidral ta’ St Giles, f’Edinburgh, u fejn se jdum għal 24 siegħa. Il-vjaġġ bit-tebut għadda, fost oħrajn, minn Aberdeen u Dundee u meta fil-korteo hemm il-Prinċipessas Anne, it-tifla tar-Reġina magħrufa wkoll bħala l-Princess Royal.
Ladarba l-katavru tar-Reġina ( għada) jitwassal minn Holyroodhouse lejn il-Katidral ta’ St Giles, issir vejla kontinwa ta’ 24 siegħa, bil-pubbliku jroddilha ġieħ għall-aħħar darba. Aktar ‘il quddiem, mistenni li jsir servizz reliġjuż fl-istess katidral.
Il-Ministru Ewlieni tal-Iskozja, Nicola Sturgeon, qalet li ‘dawn huma mumenti ta’ swied-il qalb għal kulħadd’ u sostniet li hu xieraq ‘li l-Iskoċċiżi jroddu ġieħ lil din il-mara straordinarja’.
Intant, l-attenzjoni qed iddur dejjem aktar fuq ir-Re Charles III li qed jibda r-renju wara 70 sena karatterizzati minn ommu, Eliżabetta, bħala s-simbolu indiskutibbli ta’ pajjiżha. Charles, nhar is-Sibt, kien ipproklamat Re għall-ewwel darba wara li ndirizza l-Accession Council ta’ Londra u meta hu jinsab diġà taħt skrutinju mill-media internazzjonali.
//= $special ?>