Futbol Sport

Jefferson De Assis protagonist biex Gżira jegħlbu lil Hibernians

(Ritratt: Trevor Sollars)

Matthias Mizzi

HIBERNIANS……………….1

GŻIRA UNITED……..……..2

Hibernians: I. Kone, F. Apap, G. Bravo, T. Aldama, J. Grech (D. Vella 86’), J. Degabriele, B. Kristensen (G. Mensah 76’), J. Zerafa, O. Yunusa (J. Rivero 76’), A. Diakite, R. Soares

Gżira U.: D. Zarkov, G. Bohrer, L. Tabone, N. Muscat (Z. Scerri 65’) , M. Dias, C. Gauci (S. Pisani 65’), T. Kolega, M. Cosic, M. Maia, J. De Assis (B. Borg 81’), J. Mendoza (L. Riascos 65’)

Imwissija: B. Kristensen 18’ (HIB), J. Grech 36’ (HIB), J. Mendoza 44’ (GŻR), N. Muscat 62’ (HIB), J. De Assis 79’ (HIB), S. Pisani 89’ (GŻR)

Skorjaw: F. Apap 34’(HIB), J. De Assis 64’ (GŻR), J. De Assis 72’ (GŻR)

Referee: Fydor Zammit

Assistenti Referees: Alan Camilleri & Edward Spiteri

In-Nazzjon Plejer tal-Logħba: Jefferson De Assis (GŻR)

BOV Plejer tal-Logħba: Jefferson De Assis (GŻR)

Gambetta għall-progress taċ-champions Hibernians wara r-rebħa kbira tal-ġimgħa l-oħra meta din id-darba fit-Tony Bezzina Stadium huma ma kisbu l-ebda punt sforz għall-prestazzjoni mill-aqwa ta’ Gżira fit-tieni taqsima.

Hibernians marru viċin kmieni fil-partita permezz ta’ xutt fil-baxx ta’ Jurgen Degabriele li għadda viċin. Wara din l-azzjoni l-andament tal-logħob kien wieħed fjakk miż-żewġ timijiet tant li ftit li xejn ħolqu attakki perikolużi lejn il-lasti opposti. Madankollu, fl-34 minuta Hibernians fetħu l-iskor permezz ta’ xutt mal-ewwel fil-kaxxa ż-żgħira ta’ Ferdinando Apap wara free-kick ta’ Jurgen Degabriele fuq it-tieni lasta. Sitt minuti mill-mistrieħ Zarkov kien strumentali bejn il-lasti biex dawwar xutt b’saħħtu mill-viċin ta’ Degabriele għal corner.

Fit-tieni taqsima Hibernians komplew fuq dak li ħallew qabel biex fl-54 minuta Jake Grech ra x-xutt tiegħu salvat tajjeb minn Zarkov wara li rċieva pass insidjuż minn Thaylor Aldama. Mas-siegħa logħob Hibernians kienu sfortunati li ma rdoppjawx l-iskor hekk kif Jake Grech ra x-xutt spettakolari tiegħu jistampa mal-wieqfa. Wara din l-okkażjoni, Gżira rrispondew tajjeb biex waqt kontrattakk fl-64 minuta Jefferson De Assis ħarab minn bejn id-difensuri, qabeż lil Ibrahim Kone u tefa’ l-ballun f’last vojta. Tmien minuti wara Gżira United marru fil-vantaġġ wara li l-attakkant prolifiku De Assis antipiċa pass waqt build-up u wiċċ imb’ wiċċ ma’ Kone spara xutt fir-rokna tax-xibka. Gżira komplew jattakkaw tant li f’83 minuta huma kellhom żewġ azzjonijiet ta’ gowl grazzi għal Maxuell Maia iżda t-tnejn li huma ġew imblokkati mid-difiża. Fl-aħħar ħinijiet l-isforzi ta’ Hibernians kienu inutli tant li l-iskor intemm f’dak ta’ 2-1 favur Gżira.