Skiet totali mill-Prim Ministru Robert Abela dwar id-deal li wettaq Konrad Mizzi mas-SOCAR, fejn f’opportunità oħra li jitkellem dwar dan l-iskandlu, Abela naqas milli jagħmel referenza dwaru jew jgħid x’azzjoni se jkun qed jieħu fil-konfront ta’ dan l-iskandlu.
F’intervista li kellu l-Ħadd filgħodu fuq l-istazzjon tar-radju Laburista Abela naqas milli jikkumenta dwar il-ftehim li għamel bil-moħbi l-eks Ministru Laburista Konrad Mizzi mal-Azerbaijan, u li nkixef grazzi għall-ġurnalisti indipendenti.
Il-ftehim ta’ Konrad Mizzi li ġie ppubblikat grazzi ghall-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia u s-sit TheShift News jikxef kif il-Gvern ta garanzija mingħajr ebda kundizzjoni, u li kienet tfisser li l-poplu Malti jerfa’ d-djun kollha li l-Electrogas setgħet tagħmel mas-Socar. Dan apparti l-garanzija ta’ €432 miljun li diġa’ kienet ġiet żvelata snin ilu.
Fl-aħħar jiem il-Kap tal-PN Bernard Grech qal li illum dawn il-miljuni li nsterqu minn dawn id-deals issa jridu jiġu rkuprati mill-Gvern minn ħalq in-nies – bl-issikkar taċ-ċintorin.
Il-Kap tal-PN qal li dan hu musmar ieħor fl-istejjer ta’ korruzzjoni lampanti minn Konrad Mizzi u sħabu; b’Robert Abela jibqa’ jiddefendihom.
Ma jgħid xejn dwar l-iskandlu ta’ TM
Tul l-istess intervista Abela naqas milli jindirizza l-iskandlu tat-testijiet tal-liċenzji fi Transport Malta, fejn sa issa ma nafux jekk talabx lill-Ministru involut biex jirriżenja sakemm inaddaf ismu.
Il-Ġimgħa saqsejna lill-Ministru Anton Refalo dwar jekk Robert Abela tkellimx mal-Ministri dwar dan l-iskandlu, b’Refalo jonqos milli jwieġeb.
Intant, fl-istess intervent fuq ir-radju Laburista, il-Prim Ministru qal li qed iħoss il-polz tan-nies. U fl-istess nifs, ftaħar b’dak li hu sejjaħ tkabbir ekonomiku. Huwa qal li jinsab ottimist u fiduċjuż, iżda imkien ma semma’ kif se jgħin lill-ħaddiema u lill-familji li bħalissa qed iħossu d-daqqa tal-għoli tal-ħajja, u l-effetti fuq il-kwalità tal-ħajja tagħhom.
//= $special ?>