L-Istati Uniti qed tfakkar l-agħar attakk fl-istorja fuq il-poplu Amerikan b’sensiela ta’ attivitajiet kommemorattivi u vejl ta’ talb għall-vittmi tat-terrur storiku li se jibqa’ magħruf bħala ‘9/11’…..Dan, fil-fatt, hu l-21 anniversarju tal-jum (il-11 ta’ Settembru) fl-2001 meta t-terroristi tal-al-Qaeda wettqu sensiela ta’ attakki fuq iz-zoni ċivili prinċipali ta’New York u Washington u li ħallew qrib it-3,000 mejtin.
L-attakki tal-2001 kienu fil-fatt erba’ azzjonijiet koordinati minn terroristi suwiċida li riedu jwasslu ‘messaġġ lill-Istati Uniti u l-Punent’. Intant, 19-il terrorista, taħt il-gwida tal-Kap tal-Al-Qaeda Osama bin Laden, ħatfu l-kontroll ta’ erba’ ajruplani kummerċjali waqt li dawn kienu f’nofs-titjira lejn Kalifornja miz-zoni tal-Grigal fl-Istati Uniti.
L-aggressuri kienu organizzati fi tlett gruppi, b’kull grupp jinkludi terrorista bil-kapaċità li jiggwida ajruplan u bħala parti mill-istrateġija qattiela ta’ bin Laden.
Tnejn mill-ajruplani maħtufa mit-terroristi baqgħu deħlin direttament fit-Twin Towers tal-World Trade Center fi New York waqt li t-terroristi fuq it-tielet ajruplan wettqu attakk suwiċida fuq il-Pentagon ta’ Arlington, fl-Istat ta’ Virginia.
Iżda r-raba’ attakk kien imxejjen meta l-passiġġieri fuq l-ajruplan li kien fadal – il-United Airliens Flight 19 — qamu kontra t-terrorist u bir-riżultat li l-ajruplan ( li kien intiż li jolqot bini tal-Gvern federali f’Washington) iġġarraf f’għalqa lejn il-limiti ta’ Shanksville, f’Pennsylvania.
Hawnhekk qed inwasslu wħud mill-avvenimenti ta’ tmiem il-ġimgħa li onoraw lill-vittmi kollha tal-attakki ta’ ‘9/11’
Iċ-ċermonja ta’ tifikra fil-World Trade Center
Din iċ-ċerimonja ewlenija fi New York qed tkun organizzata fis-sit tal-World Trade Center u fiha nqraw l-ismijiet tal-vittmi tal-attakki anki waqt li n-nies preżenti osservaw perjodi ta’silenzju fil-ħinijiet meta l-ajruplani – 21 sena ilu – kienu laqtu lit-Twin Towers. Kien osservat silenzju wkoll għall-ħin meta l-ajruplan (American Airlines Flight 77) laqat lill-Pentagon u fil-ħin meta Flight 93 kien ikkraxxja barra Shanksville.
Aktar ‘il quddiem, il-pubbliku fil-Memorial Plaza ta’ an is-sit se jkun jista’ jara attività bid-dwal bl-isem ‘Tribute in Light’ u li kompliet sa nofs-il lejl.
Diversi bini oħra madwar New York, fosthom l-Empire State Building, ukoll kienu mixgħulin matul il-lejl biex jimmarkaw l-anniversarji tal-attakki.
Is-Servizz tat-Tifkira tal-NYC Fire Museum
In-New York City Fire Museum fakkar dan l-anniversarju b’ċerimonja ta’ tqegħid tal-fjuri li sar fil-permanent memorial tas-sit iddedikat lit-343 membru tad-Dipartiment għall-Kontroll tan-Nirien li kienu mietu fil-11 ta’ Settembru tal-2001.
Il-mużew anki introduċa esibizzjoni ġdida bl-isem One Day in September, u li rikonoxxiet l-isforzi kuraġġjużi tal-firefighters u s-servizzi l-oħrajn għall-emerġenzi li kienu wieġbu minnufih għall-istraġi mill-attakki suwiċida, Din l-esibizzjoni se tibqa’ miftuħa sat-2 ta’ Ottubru li ġej.
Vejla ta’ Paċi u Talb miftuħa għal kulħadd
Dan l-anniversarju qed ikun imfakkar anki fil-Public Plaza tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York fejn qed issir vejla speċjali miftuħa għal kulħadd u li sservi ukoll bħala riflessjoni fuq l-avveniment li ħalla l-bidliet daqstant profondi għall-Amerikani.
Il-vejla qed tinkludi membri tal-organizzazzjonijiet reliġjużi u tal-gruppi komunitarji li jirrappreżentaw lid-diversi denominazzjonijiet ta’ fidi. Dan bil-għan li huma ‘jippromwovu l-paċi u l-għaqda bejn l-individwi tad-diversi gruppi tal-fidi’ waqt dan l-avveniment li qed jinkludi anki l-wirjiet artistiċi.
//= $special ?>

