Lokali

Talba mill-PN biex ikun investigat kuntratt dubjuż li ngħata fl-isptar Sir Anthony Mamo

Il-PN talab lid-direttur tal-kuntratti jinvestiga l-kuntratt ta’ miljuni ta’ ewro li ingħata fl-isptar tal-onkoloġija Sir Anthony Mamo.

Dan għaliex il-kumpanija li ħadet l-irwol li tipprovdi t-tagħmir għall-kura tal-kanċer hija kumpanija li għandha rabta mal-istess kumpanija li ħadet it-tliet sptarijiet li ta l-Gvern, l-isptar San Luqa, Karin Grech u dak ta’ Għawdex.

F’ittra lid-direttur tal-kuntratti, id-Deputati Nazzjonalisti Adrian Delia u Alex Borg talbu biex il-proċess kollu tas-sejħa għall-offerti jiġi mgħoddi lill-awtoritajiet kompetenti għal investigazzjoni.

Il-kuntratt li kien hemm fl-isptar Sir Anthony Mamo għalaq xahar ilu u issa għadda lil Techonoline Ltd.

Is-sid ta’ Technoline Ivan Vassallo kien fost dawk investigati fuq il-ftehim kontroversjali biex jiġu privatizzati it-tliet sptarijiet. Vassallo minn naħa tiegħu stqarr mat-Times li mhu konxju tal-ebda illegalità.

L-apparat il-ġdid għall-kura tal-kanċer se jkun qed jiswa’ €20 miljun. Madankollu, l-aktar tħassib hu dwar x’tip ta’ apparat Technoline se tkun qed iġġib u jekk il-valur li qed iħallas il-poplu Malti hux tassew ġust.

Rapporti ta’ The Shift kienu indikaw li fir-realtà l-prezz oriġinali kien €12-il miljun – madankollu xorta ntagħżel dak il-kuntratt li tela’ għal €20 miljun ewro.

L-apparat jiswa’ madwar nofs il-valur tat-tender…u l-ispejjeż miżjuda huma minħabba l-ħtieġa li jinbena ‘bunker’ biex jospita l-mudell offrut minn Technoline u għalhekk l-valur sploda għal €21.5 miljun. Ġie rrappurtat ukoll li l-Bord tar- Reviżjoni tal-Kuntratti Pubbliċi kien mitlub jirrevoka t-tender, iffinanzjat mill-UE, biex tinkiseb il-faċilità tal-kura tal-kanċer minħabba diversi “irregolaritajiet”, inkluż ksur tar-regoli tal-UE.