Lokali

Tliet sewwieqa ta’ mutur isofru ġrieħi gravi f’inċidenti separati

Ritratt: Arkivji

Fi tmien sigħat biss, tim mediku mill-Isptar Mater Dei ssejjaħ biex jagħti l-għajnuna tiegħu hekk kif tliet sewwieqa ta’ mutur sofrew ġrieħi gravi f’inċidenti separati.

L-ewwel inċident seħħ il-bieraħ għall-ħabta tad-9pm fi Triq Sant’Andrija, is-Swieqi fejn mill-ewwel stħarriġ irriulta li seħħet ħabta bejn mutur misjuq minn raġel ta’ 35 sena residenti Ħal Qormi u vettura misjuqa minn raġel ta’ 28 sena residenti Tas-Sliema.

It-tieni inċident seħħ dalgħodu għall-ħabta tat-3am fi Triq Tal-Mensija, San Ġwann fejn seħħet ħabta bejn mutur misjuq minn raġel ta’ 52 sena residenti s-Swieqi u vettura misjuqa minn raġel ta’ 49 sena residenti San Ġwann.

U fl-aħħar inċident, sewwieq ta’ mutur ta’ 65 sena residenti r-Rabat ħabat ma’ karozza misjuqa minn raġel ta’ 26 sena residenti Pembroke fi Triq il-Buqana, ir-Rabat għall-ħabta tal-5am.

Filwaqt li l-ebda mix-xufiera tal-vetturi ma sofrew xi ġrieħi, is-sewwieqa tal-muturi kollha ngħataw l-ewwel għajnuna fuq il-post u ttieħdu l-Isptar għal iktar kura. Hemmhekk, it-tlieta li huma ġew iċċertifikati li sofrew ġrieħi gravi.

L-investigazzjonijiet mill-Pulizija dwar dawn il-każi għadhom għaddejjin.