Lokali

Inklussività essenzjali fid-dinja tal-isport

Irridu dejjem niftakru u nħarsu li jkun hemm l-inklussività xierqa fl-isport – ħadd m’għandu jaqta’ qalbu u rridu naċċertaw li l-isfidi li nsibu quddiemna naqilbuhom ta’ taħt fuq u nbidluhom f’avventuri u esperjenzi li jagħtu l-frott tagħhom.

Hekk saħqu d-Deputati tal-Partit Nazzjonalista Graham Bencini u Graziella Galea, kelliema għall-isport u l-inklużjoni rispettivament, waqt li kienu qed iżuru l-Open Day tal-Proġett iSPORT organizzata fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport f’Pembroke ħal individwi li huma neqsin mid-dawl jew li għandhom impairment viżwali …u għalhekk matul dan il-jum kienu mistiedna jagħmlu l-ewwel pass tagħhom fid-dinja tal-isport.

L-istatistika turi li f’pajjiżna numru ta’ tfal u adolexxenti li jsofru minn xi diżabilità jew oħra joqgħodu aktar lura minn ħaddieħor sabiex jipparteċipaw fl-isport.

Għaldaqstant il-Kumitat Paralympiku Malti, flimkien ma’ Malta Trust Foundation nedew dan il-proġett ġdid bil-għan li joffru l-opportunità għal persuni neqsin mid-dawl  sabiex jibdew jipprattikaw l-isport b’mod ħolistiku.

Dan filwaqt li jingħata messaġġ ġenerali ta’ kuraġġ u sostenn sabiex ħadd ma jaqta’ qalbu, anzi jistinkaw sabiex fiżikament u mentalment ikomplu jissaħħu u jkunu parti waħda mill-komunità sportiva sabiex verament jilħqu l-potenzjal aħħari tagħhom.