Ir-Re Karlu III u martu Camilla, il-Queen Consort, issa jinsabu f’Edinburgh, fl-Iskozja u wara li t-tebut bil-katavru tar-Reġina kien twassal hemmhekk fil-ġurnata tal-Ħadd.
Mal-wasla tiegħu, ir-Re mar direttament f’Holyroodhouse – is-sede tal-Parlament Skoċċiż – għal tradizzjoni magħrufa bħala s-Ceremony of the Keys u li fiha hu ingħata ċ-ċwievet simboliċi għall-belt kapitali Skoċċiża.
Bħalissa, ir-Re u membri oħrajn tal-Familja Rjali, qed jieħdu sehem f’purċissjoni sollenni mir-Royal Mile huma u jsegwu t-tebut ta’ ommu ( ir-Reġina) li qed jitwassal mill-Palazz ta’ Holyroodhouse sal-Katidral ta’ St Giles.
Eluf ta’ nies qed josservaw il-purċissjoni sakemm it-tebut jiddaħħal fil-Katidral għal servizz ta’ tifkira speċjali li tiċċelebra l-ħajja tar-Reġina u l-konnessjoni tagħha mal-Iskozja.
Ir-Re Karlu, aktar tard, se jiltaqa’ mal-Ministru Ewlieni tal-Iskozja, Nicola Sturgeon, qabel jattendi sessjoni tal-Parlament Skoċċiż f’Holyrood.
Aktar tard bil-lejl, ir-Re u l-membri l-oħra tal-Familja Rjali Britannika se jieħdu sehem f’vejla qrib it-tebut tar-Reġina Eliżabetta u li se ssir fil-Katidral ta’ St Giles.
L:Uffiċċju tal-Prim Ministru Britanniku f’Downing Street (Londra) ikkonferma li, nhar il-Ħadd li ġej, lejliet il-funeral statali tar-Reġina, għandha tinżamm minuta silenzju ‘biex il-poplu Britanniku jirrifletti ftit fuq il-ħajja u l-patrimonju ta’ Eliżabetta t-Tieni …Patrimonju li ddefinixxa lill-ġenerazzjonijiet suċċessivi ta’ Britanniċi mis-snin ħamsin ‘il hawn.’
//= $special ?>