Il-qawwiet Ukreni komplew jikkonsolidaw il-kisbiet fir-reġjun ta’ Kharkiv u meta r-Russi li qed jokkupaw ir-reġjun ammettew li l-militar tagħhom spiċċa bi żvantaġġ kbir matul l-aħħar kontro-offensiva tal-militar Ukren.
Vitaly Ganchev, l-ogħla uffiċjal fost il-qawwiet tal-okkupazzjoni Russi f’Kharkiv, qal li l-Armata Ukrena ħatfet lura l-kontroll ta’ villaġġi fin-naħa ta’ fuq tar-reġjun minbarra li avvanzaw ‘kważi sal-fruntiera tar-Russja’.
Dan wara li l-militar tar-Russja fiz-zona spiċċa f’sitwazzjoni impossibbli ‘u fejn kull suldat Russu kellu jikkonfronta tmien suldati tal-għadu’.
Kollox qed jindika li l-qawwiet Ukreni — li ħatfu lura l-kontroll f’20 villaġġ fi spazju ta’ 24 siegħa biss – jistgħu qegħdin f’xifer ta’ trijonf mill-aktar sinifikanti fil-gwerra tal-Ukrajna li ilha għaddejja mill-24 ta’ Frar.
L-Ukreni qed jgħidu wkoll li t-truppi tagħhom, issa, qegħdin jokkupaw mal-500 kilometri kwadri fir-reġjun ta’ Kherson, fin-nofsinar tal-Ukrajna, u li kien fost l-ewwel reġjuni li kienu waqgħu lir-Russi waqt il-gwerra.
Madankollu, Dmitry Peskov, il-kelliem ewlieni għall-Kremlin ta’ Moska, qal li ‘l-azzjonijiet tar-Russja fl-Ukrajna se jkomplu sakemm jintlaħqu l-objettivi militari kollha.’ Peskov qal ukoll li l-President tar-Russja, Vladimir Putin, qed jinżamm dejjem aġġornat bl-aħħar żviluppi fil-konflitt mal-Ukreni.
Ir-Russja qed tgħid ukoll li l-qawwiet tagħha reġgħu attakkaw l-ibliet ta’ Izyum u Kupiansk li l-Ukreni kienu ħadu lura fi tmiem il-ġimgħa – b’Moska tirrepeti li l-irtirar tat-truppi tagħha minn hemmhekk ‘kien kollu parti minn pjan biex l-Armata Russa torganizza ruħha aħjar għall-offensiva li jmiss’.
//= $special ?>

