Lokali

Repubblika titlob li r-rekużi ma jiġux deċiżi mill-ġudikanti nfushom

“L-aġir tal-Maġistrat Nadine Lia qed jhedded id-dritt ta’ smigħ xieraq”.

Hekk sostna il-President tal-Għaqda Repubblika Robert Aquilina waqt konferenza tal-aħbarijiet it-Tnejn filgħodu quddiem il-Qorti.

Aquilina sostna li Nadine Lia la hi u lanqas tista’ tidher li hi imparzjali fil-kawża dwar Pilatus Bank, għax il-Maġistrat kienet tat l-appoġġ tagħha lil Joseph Muscat f’attivita politika ta’ qabel-elezzjoni tal-2017, u jiem biss wara li ħarġu l-allegazzjonijiet dwar Egrant u l-eks mexxej Laburista.

Dakinhar Nadine Lia, kienet iġġustifikat l-‘iżbalji’.

Ftit tal-ħin biss wara li Repubblika fetħet kawża kostituzzjonali, Robert Aquilina spjega li din il-kawża mhix biss marbuta mal-każ tal-Bank Pilatus, iżda hija kawża li għandha l-għan li tipproteġi liċ-ċittadini kollha ta’ dal-pajjiż.

Robert Aquilina qal li jekk wieħed ikollu kawża l-Qorti, u jsir jaf li l-Maġistrat jew l-Imħallef jiġi mill-avukat li qed jiddefendi lill-persuna li kontriha għandu l-każ. ikun irid li dak il-Maġistrat jew l-Imħallef jirtira mill-każ, u hu għalhekk l-għaqeda qed tiġġieled din il-ġlieda.

Aquilina sostna li mhux aċċettabbli li jkun maġistrat jew imħallef li jiddeċiedi hu stess jekk jistax jisma’ każ partikolari.

Repubblika taw 10 raġunijiet għalfejn il-Maġistrat Nadine Lia għandha twarrab u ma tismax il-kawża fil-konfront tal-Bank Pilatus, fosthom u ewlieni l-fatt li l-avukat ta’ diversi partijiet involuti jew li kellhom kontijiet f’dan il-bank hu missier ir-raġel tal-istess Lia.