Repubblika ressqet proċeduri kostituzzjonali minħabba r-rifjut tal-Maġistrat Nadine Lia li tirrikuża ruħha minn proċeduri ta’ kontestazzjoni mibdija mill-NGO. Fil-proċeduri ta’ kontestazzjoni, Repubblika qed titlob lill-qorti ġġiegħel lill-Kummissarju tal-Pulizija jipproċedi kontra diversi individwi fuq l-inkjesta tal-Bank Pilatus.
Repubblika qed targumenta li r-rifjut tal-maġistrat li tirrikuża ruħha tikkostitwixxi ksur tad-dritt għal smigħ ġust u xieraq quddiem tribunal imparzjali. Dan joħroġ minn rikors, ippreżentat quddiem il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni Kostituzzjonali tagħha mill-avukat Jason Azzopardi.
Fir-rikors, l-organizzazzjoni ssostni li artikolu tal-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili li jagħti lill-maġistrat li jippresjedi l-proċeduri ta’ kontestazzjoni huwa antikostituzzjonali. F’Ġunju ta’ din is-sena, Repubblika kienet ressqet proċeduri ta’ kontestazzjoni kontra l-Kummissarju tal-Pulizija fejn talbet li l-imsemmi Kummissarju jiġi sfurzat jakkuża immedjatament lill-eks diretturi tal-Bank Pilatus u numru ta’ individwi oħra, b’numru ta’ reati, fosthom ħasil ta’ flus u konfoffa kriminali kif kien ordnat mill-inkjesta maġisterjali fil-bank, fl-2021.
Fir-rikors ġuramentat li jitlob proċeduri ta’ kontestazzjoni, Repubblika qalet li wriet li l-inkjesta Pilatus kienet intemmet f’Marzu tal-2021 u li fost il-konklużjonijiet tagħha, kienet ordnat lill-pulizija biex tressaq akkużi ta’ ħasil ta’ flus u ta’ konfoffa kriminali kontra diversi individwi.
Dawn kienu jinkludu “ħbieb qrib tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat u tal-eks Chief of Staff tiegħu Keith Schembri, kif ukoll li l-inkjesta maġisterjali kienet sabet bażi għal akkużi addizzjonali kontra Schembri,” qalet l-NGO. Il-proċeduri ta’ kontestazzjoni kienu ġew assenjati lill-Maġistrat Nadine Lia, li normalment tiġi assenjata kawżi bħal dawn. Repubblika kienet talbet minnufih lill-maġistrat biex tirrikuża ruħha milli tisma’ dan il-każ, għar-raġuni li hija miżżewġa lil iben l-avukat ta’ Joseph Muscat, Pawlu Lia. Madankollu hija kienet ċaħdet din it-talba.
//= $special ?>