Futbol Sport

Serie A: Juventus miżmuma minn Salernitana f’partita kontroversjali

(Ritratt: EPA)

Fl-Allianz Stadium Salernitana ħadu punt kontra Juvnetus bl-iskor ta’ 2-2.

B’sorpriza fit-18-il minuta Salernitana marru fil-vantaġġ. Minn azzjoni ta’ Pasquale Mazzocchi kien Antonio Candreva li għeleb lil Mattia Perin. Minkejja li kellhom aktar pussess, Juventus naqsu milli jimpenjaw serjament lil Luigi Sepe b’Salernitana jikkonċentraw fuq il-kontrattakk. Fil-ħames minuta ta’ ħin miżjud, Gleison Bremer deher li lagħab b’idu fil-kaxxa. Matteo Marcenaro ikkonsulta l-VAR. Penalty għal Salernitana bi Krzystov Piatek jgħeleb lil Perin. 2-0 fi tmiem l-ewwel taqsima.

Fit-tieni taqsima b’Juventus fuq l-attakk fil-51 minuta minn azzjoni ta’ Filip Kostic kien Gleison Brener li għeleb lil Pepe għat-2-1. Minkejja pressjoni kien biss fl-ewwel minuta ta’ ħin miżjud li nbidel ir-riżultat. Foul ta’ Tonny Vilhena fuq Alex Sandro. Penalty għal Juventus, Leonardo Bonucci l-ewwel falla, u mir-rebound u għeleb lil Sepe. Fil-ħames minuta ta’ ħin miżjud kien Arkadiusz Milik li minn pass ta’ Juan Quadrado għeleb lil Sepe. Il-gowl tħassar bil-VAR bir-referee kostrett li jkecci lil istess Milik flimkien ma’ Massimiliano Allegri, Federico Fazio u Juan Quadrado bil-partita tintemm 2-2.