Lokali

Bżonn ta’ azzjoni immedjata mill-Gvern biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-prezzijiet tal-qbiela – PN

In-nuqqas ta’ interess tal-gvern qed jidher biċ-ċar hekk kif għaddew numru ta’ xhur iżda għadu ma ppubblikax l-White Paper biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-prezzijiet tal-qbiela li wiegħed b’tant pompa qabel l-elezzjoni. Dan in-nuqqas ta’ azzjoni qed ikun ta’ theddida għall-futur tal-industrija tal-agrikoltura, kif spjegat tant tajjeb mill-Għaqda Bdiewa Attivi f’artiklu ppubblikat llum fuq il-ġurnal Times of Malta.

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista permezz tal-Kelliem tagħha Tony Bezzina permezz ta’ stqarrija qalet li tingħaqad mal-appell tal-Għaqda Bdiewa Attivi sabiex il-gvern jikkjarifika s-sitwazzjoni llum qabel għada għall-ġid tal-partijiet kollha kkonċernati.

Id-diversi bdiewa li jaqilgħu l-għajxien tagħhom ta’ kuljum jixirqilhom serħan il-moħħ li se jkomplu jagħmlu dan filwaqt li jipprovdu dan is-servizz essenzjali mingħajr it-theddida ta’ prezzijiet massiċċi li impossibbli jlaħħqu magħhom. Apparti li l-agrikoltura hija parti fundamentali mill-identità kulturali tagħna bħala pajjiż, hija wkoll sors importanti tal-ikel li jsostnina bħala popolazzjoni.

Għaldaqstant, inħeġġu lill-gvern sabiex minnufih jibda billi jippubblika l-White Paper sabiex dan il-proċess ikun jista’ jimxi ‘l quddiem.