Lokali Qorti

Hedded lil martu li se tispiċċa f’siġġu tar-roti wara li pprovokatu

Raġel ta’ 51 sena, residenti Ħal Qormi li ismu mhux qed jissemma biex tiġi protetta l-identità mhux biss tiegħu u tal-mara, imma tal-membri tal-familja nstab ħati li nġurja u hedded lil martu. Il-Maġistrat Rachel Montebello wara li semgħet ix-xhieda sabet ukoll li l-mara ma kinitx tibża minn żewġha, u li kien hemm mumenti fejn hija kienet tipprovokah.

Il-każ seħħ sentejn ilu fis-17 ta’ Settembru u qabel fejn huwa kien tressaq mill-Ispettur Kevin Pulis li xlieh fi tliet argumenti separati ffastidja lil martu u kkaġunalha biża’.  Dawn l-argumenti seħħew bejn il-15 u s-17 ta’ Settembru tal-2020, waqt li “s-sitwazzjoni bejn il-koppja kienet diffiċli, skomda u ta’ dwejjaq.” Il-ġlied kiuen iseħħ waqt li huma kienu għaddejjin minn proċess ta’ separazzjoni.

Fix-xhieda tagħha, il-mara qalet li l-ewwel argument inqala’ xħin allegatament żewġha qalilha li kienet tiġri mal-irġiel, u dan seħħ malli hi wrietu li kienet ħallset il-kont tad-dawl. Hija qalet ukoll fil;-Qorti li dakinhar, b’referenza għat-tifel il-kbir, huwa qalilha “nitfagħhulek frankuni” u “nirraħ imut wara li jitkaxkar bil-mutur. Hija qalet ukoll li waqt l-argument għamlilha mossi b’idejh li għaliha kienu jfissru li kienet se tispiċċa f’siġġu tar-roti.

Il-mara qa;et li t-tieni argument seħħ l-għada filgħaxija meta żewġha kien qed isajjar, għax qaltlu “li kellu l-fjamma għolja wisq u seta’ jaħraq l-ikel.” L-aħħar argument seħħ ftit wara s-6.15am x’ħin allegatament hu xegħel id-dawl biex jagħmel il-kafè u qajjimha waqt li kienet rieqda fis-salott. Mal-Pulizija, hija stqarret ukoll li dakinhar żewġha qalilha li kien se joqtlilha ‘l ommha.

Ir-raġel meta xehed qal li għex l-aħħar erba’ snin ta’ żwieġ bħal priġunier ġo daru għax qal li ibnu kien jikkmanda kollox, tant li ma kienx iħallih jorqod ma’ martu. Ir-raġel fisser li meta nqalgħu t-tliet argumenti, martu kienet qed tipprova taqbad miegħu għax bdiet tmur ħdejh il-ħin kollu. Tenna li ibnu għandu problemi psikoloġiċi u li kien qed jagħmillu ħajtu nfern.

Fil-Qorti, il-mara esebiet recordings tat-tliet argumenti, li hija stess ħadet bil-mobile. Wara li semgħethom,, il-Maġistrat innotat li t-ton ta’ leħen tal-vittma ma jurix li hija kienet qed tibża’ mill-imputat. Anzi, intqal, li l-argumenti tqanqlu apposta minnha biex tipprovokah. Kien b’hekk, ir-raġel nstab ħati biss li fl-argumenti inġurja u hedded lil martu.

Huwa għaldaqstant ġie mmultat €58 wara li nstab ħati li sentejn ilu inġurja u hedded lil martu waqt li kellu xi jgħid magħha. Il-Qorti ordnat ukoll lill-akkużat iħallas bi €28.76 fi spejjeż għall-ħatra tal-esperti, u rabtitu b’garanzija personali ta’ €1,000 għal żmien sena u dan billi ma jimmolestax u ma jheddidx lil martu.