Il-poplu Malti qiegħed isibha aktar diffiċli biex jilħaq mal-ispejjeż tal-għoli tal-ħajja, inkluż biex iħallas il-kera, u kontijiet oħra essenzjali.
Dan qiegħed jingħad mill-istatistika li ħarġet mill-NSO dwar il-faqar magħrufa bħala EU-SILC.
Minn din l-istatistika jirriżulta li kważi 86,000 jinsabu fir-riskju tal-faqar.
Persuni li jinsabu li f’riskju tal-faqar, u esklużjoni soċjali żdiedu b’0.4% biex issa jlaħħqu 20.4%.
Ir-rapport EU-SILC juri illi eluf ta’ nies qed jgħixu f’riskju ta’ faqar, filwaqt li 5.4% huma materjalment deprivati – u allura neqsin minn affarijiet bażiċi. L-aktar faxxa ta’ persuni li żdiedu f’dan ir-rigward kienu dawk anzjani.
Ċifri juru illi 168,150 persuna ma jifilħux iħallsu għal vaganza ta’ ġimgħa darba fis-sena, filwaqt li 31,445 persuna ma jaffordjawx jieklu laħam, tiġieġ jew ħut imqar tliet darbiet fil-ġimgħa. Intant ftit iktar minn 51,000 persuna qalu li ma jaffordjawx li jagħmlu kappriċċi għalihom infushom, filwaqt illi 39,821 qalu illi ma jaffordjawx iżommu d-dar sħuna waqt ix-xhur tax-xitwa.
L-aktar zona milquta ta’ persuni li jinsabu f’dan ir-riskju ta’ faqar huma dawk li jgħixu fiz-zona ta’ madwar il-Port il-Kbir.
//= $special ?>