Lokali

Imniedi l-programm ta’ taħriġ politiku STEP

Il-Fondazzjoni AŻAD se tkun qed ittella’ l-programm ta’ taħriġ politiku STEP, li għandu jgħin biex aktar nies ikollhom żvilupp ta’ għarfien u ħiliet politiċi, soċjali u kulturali.

STEP tnieda matul konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino u minn Charlo Bonnici, li hu wieħed mill-Kordinatur tal-programm.

Michael Piccinino spjega li l-Partit Nazzjonalista jrid li jkabbar u jiżviluppa t-talent fi ħdanu u għalhekk, qed jara li inizjattivi bħal STEP jolqot firxa aktar wiesgħa ta’ nies fis-soċjetà tagħna. Dan il-programm se jkun qed isegwi oħrajn li saru fil-passat, bħal Future Leaders u se jkun miftuħ għal kull min jixtieq jagħmel il-pass li jmiss fil-politika.

Hu spjega li STEP mhux biss għandu jkun l-ewwel tarġa għal dawk li jridu jibdew jew jimxu ’l quddiem fil-karriera politika tagħhom, iżda wkoll iservi ta’ taħriġ. Hu għalhekk li l-isem STEP ifisser ukoll Systematic Training for Effective Politics.

Min-naħa tiegħu, Charlo Bonnici spjega li l-Fondazzjoni AŻAD għandha l-funzjoni li tniedi programmi bħal dawn, li jaraw li kif persuni li forsi ma jkunux għahdom iħossuhomx komdi jaħdmu fi ħdan partit politiku, iħossuhom atratti għal attivitajiet bħal dawn, f’atmosfera awtonoma.

Hu spjega li STEP se jinkludi sessjonijiet informattivi u workshops biex il-parteċipanti jkollhom formazzjoni, għarfien, ħiliet u kompetenzi ġodda. Dan kollu se jsir bl-għajnuna ta’ mentors biex il-parteċipanti jingħataw l-appoġġ matul il-mixja tagħhom matul il-programm, iżda anke wara t-tlestija.

STEP se jiftaħ b’weekend ta’ introduzzjoni fil-ġimgħat li ġejjin, partikolarment biex jissaħħaħ il-kuntatt bejn il-parteċipanti kollha u biex dawn jibdew jifhmu aktar xi jfissru l-attiviżmu politiku u l-ħajja pubblika. Minn hemm, il-parteċipanti se jkunu qed jipparteċipaw fil-workshops u sessjonijiet ta’ mentoring, partikolarment dwar is-sehem tagħhom f’diskussjonijiet u fit-tħejjija ta’ diskorsi politiċi.

Fl-aħħar fażi tal-programm, il-parteċipanti jkunu mistednin jipparteċipaw f’focus groups tematiċi flimkien ma’ esperti ta’ setturi, fejn jingħataw l-opportunità jipprattikaw dak li jkunu esperjenzaw fil-ġimgħat ta’ qabel.

Klikkja hawn għall-formola ta’ applikazzjoni għal STEP.