Internazzjonali

Ir-Re Karlu III u martu Camilla iżuru l-Irlanda ta’ Fuq bħala parti mill-programm ċerimonjali qabel il-funeral tar-Reġina

Ir-Re Kartu III tar-Renju Unit u martu Camilla, bħala l-Queen Consort, għaddejjin bi żjara fl-Irlanda ta’ Fuq bħala parti minn tour li qegħdin jagħmlu fid-diversi bnadi tar-Renju Unit…L-ewwel tour tal-pajjiż mindu, nhar il-Ħamis, tħabbret il-mewt tar-Reġina Eliżabetta II fl-età ta’ 96 sena.

L-ewwel uffiċjali li ltaqa’ magħhom Karlu kienu l-Lord-Lieutenant tal-County Borough ta’ Belfast, Dame Fionnuala Jay-O’Boyle u s-Segretarju tal-Istat tal-Irlanda ta’ Fuq, Chris Heaton-Harris.

Ir-Re, issa, qed jiltaqa’ mal-mexxejja politiċi lokali fil-Kastell ta’ Hillsborough, f’County Down, u fejn għandu jinqara messaġġ ta’ kondoljanzi dwar it-telfa tar-Reġina mingħand l-iSpeaker tal-Assemblea.

Il-villaġġ ta’ Hillsborough, fl-2021, kien ingħata l-istatus ta’ prefix royal bħala rikonoxximent tal-konnessjoni twila tiegħu mal-Familja Rjali Britannika.

Intant, il-mawra ta’ Karlu u Camilla fl-Irlanda ta’ Fuq – l-istess bħal fl-Iskozja – qanqal interess qawwi, bin-nies jiffullaw maġenb ir-rotta li użat din il-koppja rjali biex tasal fil-Kastell ta’ Hillsborough.

Wara l-impenji f’Hillsborough, Karlu u Camilla marru fil-Katidral iddedikat lil Sant Anna għal servizz komunitarju li qed ifakkar is-sinifikat tar-Reġina għall-Irlanda ta’ Fuq. Ingħaqdu magħhom għal dan is-servizz, il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Liz Truss, il-Mexxejja tal-Assemblea Irlandiża fi Stormont; il-Prim Ministru Irlandiż Michael Martin u l-President Irlandiż Michael D Higgins.

Fl-Iskozja, intant, eluf ta’ nies  għadhom qed jimxu qrib it-tebut bil-katavru tar-Reġina Eliżabetta li tħalla għal jum fil-Katidral ta’ St Giles f’Edinburgh. Dan wara li, fil-lejl tat-Tnejn, ma qatgħu xejn is-sriebet tan-nies li sellmu għall-aħħar darba lill-Kap tal-Monarkija.

It-tebut tar-Reġina, tard illum, irid jitwassal lejn Buckingham Palace f’Londra — u minfejn imbagħad jittieħed lejn Westminster Hall fejn jitħalla għal erbat ijiem bħala parti mit-tradizzjoni magħrufa bħala lying in state.

Fl-aħħar sigħat ukoll, sar magħruf li r-Rappreżentanti tar-Russja, il-Belarus u Myanmar ma kenux mistednin għall-funeral statali tar-Reġina li se jsir it-Tnejn, id-19 ta’ Settembru, Dan ikkonfermawh is-sorsi f’Whitehall, waqt li sar magħruf ukoll li r-Repubbika Iżlamika tal-Iran se tkun irrappreżentata biss fuq iivell ambaxxatorjali waqt il-funeral.

L-Uffiċjali ta’ Whitehall qed jistennew il-preżenza ta’ madwar 500 personalitajiet distinti minn barra għal waqt il-funeral li għandu wkoll jissimbolizza l-akbar avveniment diplomatiku fir-Renju Unit għal għexieren ta’ snin.