Ewropa Unjoni Ewropea

“Irridu niddefendu l-valuri Ewropej” – Roberta Metsola

Hemm bżonn pjan Ewropew biex nindirizzaw iż-żieda tal-għoli tal-ħajja u l-effetti tal-prezzijiet tal-enerġija.

Hija din id-dikjarazzjoni li għamlet il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola fil-bidu tad-dibattitu ‘This is Europe’ illi sar fil-bini tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu – dibattitu li bħala kelliem ewlieni tiegħu kellu lill-Prim Ministru tal-Fillandja Sanna Marin.

Fil-bidu tad-dibattitu, Roberta Metsola fakkret kif id-dinja qed tinbidel u ħadd ma kien jobsor li se jkollna gwerra fuq l-għatba tal-Ewropa. “Ħadd ma kien qed jimmaġina li l-aggressjoni Russa se ddum aktar minn 200 jum”, qalet Metsola.

Roberta Metsola fid-diskors tagħha appoġjat ukoll id-deċiżjoni tal-Fillandja li tissieħeb fin-NATO. U l-Fillandja għandha jkollha rwol ċentrali biex insawwru l-futur tal-Ewropa.

Il-Prim Ministru Fillandiża minn naħa tagħha qalet li din iż-żjara fil-Parlament Ewropew tasal f’perijodu fejn il-kontinent jinsab fi gwerra. “L-Ukrajna se tirbaħ il-gwerra bl-appoġġ tagħna”, qalet Sanna Marin.

Hi qalet ukoll li “magħqudin bħala Ewropej nistgħu nissaħħu u nirbħu”, filwaqt li fakkret kif ir-Russja qed thedded lill-Ewropa, u kien għalhekk li pajjiża ssieħeb fin-NATO. “Ir-Russja issa tinsab weħidha”, stqarret il-Prim Ministru Fillandiża.

F’mument minnhom, Marin għaddiet rimarka dwar il-fatt li tul is-snin l-Ewropa injorat it-twissijiet li kienu ġejjin mill-Polonja u mill-pajjiżi Baltiċi dwar it-theddida ta’ Vladimir Putin. “Missna smajna aktar”, qalet Sanna Marin, fost iċ-ċapċip tal-MEPs preżenti.

Dwar il-kriżi tal-enerġija, Sanna Marin semmiet il-bżonn ta’ investiment akbar f’enerġija minn sorsi alternattivi u qalba lejn enerġija nadifa – b’hekk biss l-Ewropa tinqata’ mir-Russja u ssir tassew kompetittiva anke f’dan il-qasam.

“Dawn l-isfidi kollha mhux se jkunu l-ewwel u lanqas l-aħħar kriżi għalina. U huwa għalhekk li rridu nimxu dejjem mar-rule of law u l-ispirtu demokratiku”, qalet Marin fl-għeluq tad-diskors tagħha.