Lokali Unjoni Ewropea

“Irridu nikkonkludu l-ħidma importanti fuq il-Fond Soċjali tal-Klima” – David Casa

ROBERT CREMONA jirrapporta minn Strasburgu

“Il-kwistjoni tas-sigurtà tibqa’ sfida ewlenija għall-UE, iżda aktar minn hekk wieħed irid iħares lejn il-kwistjoni tal-prezzijiet tal-enerġija”.

Hekk stqarr l-MEP Nazzjonalista David Casa f’kummenti lil Net News mill-Plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu, lejliet li jitwassal id-diskors tant mistenni minn Ursula von der Leyen.

David Casa qal li d-diskors ‘State of the Union’ kull sena jkun mument importanti għall-Parlament Ewropew. U stqarr li d-diskors tal-President tal-Kummissjoni Ewropea għandu jitfa’ dawl fuq id-diversi sfidi li għandha quddiema bħalissa l-Ewropa kollha.

Fost dawn, hu semma’ bla dubju l-gwerra fl-Ukrajna u anke l-konsegwenzi ta’ din il-gwerra. “Hemm ukoll l-isfida marbuta mal-enerġija, li magħha qed iġġib problemi oħra”, stqarr Casa.

L-MEP Nazzjonalista fakkar li bħalissa għaddejja l-ħidma fuq is-Social Climate Fund; pakkett ta’ għajnuna li jqarreb is-€16-il biljun. Hu stqarr li din il-liġi, u l-investiment li ġġib magħha fil-qasam tal-enerġija, għandhom ikunu kruċjali u ta’ importanza għall-familji kollha Ewropej.

Fil-kummenti tiegħu ma’ Net News, David Casa qal ukoll li din il-ġimgħa qed jittama li jkollna l-ewwel abbozz tal-liġi l-ġdida għal ġurnaliżmu ħieles. U din għandha (fost l-oħrajn) issaħħaħ ukoll l-irwol tax-xandar pubbliku, bħalma hu l-PBS.