Il-President Ukren Volodymyr Zelensky irrefera għat-truppi ta’ pajjiżu bħala eroj meta huma – permezz ta’ kontro-offensiva – qegħdin ikomplu jaħtfu lura t-territorji fl-Ukrajna li sa ftit ilu kontrollati mill-Armata Russa. Zelensky għamilha ċara li l-qawwiet tiegħu kisbu suċċessi kbar fl-aħħar ġranet u meta l-Armata Ukrena tinsab determinata li tillibera aktar zoni u reġjuni mill-preżenza tal-militar Russu.
Zelensky żvela li l-qawwiet tiegħu, f’dan ix-xahar biss, ħatfu lura aktar minn 6,000 kilometri kwadri ta’ art Ukrena lejn il-lvant u n-nofsinar tal-pajjiż u fejn is-suldati Russi kienu kostretti li jirtiraw biex jorganizzaw ruħhom mill-ġdid bħala ‘qawwa effettiva’.
Dan waqt li r-Russja ammettiet li tilfet il-kontroll ta’ xi bliet prinċipali fir-reġjun ta’ Kharkiv u meta issa hemm il-possibbiltà ta’ żblokk deċiżiv favur l-Ukreni f’din il-gwerra. Fil-fatt, il-Kremlin f’Moska mhux jikkonvinċi bl-istqarrijiet li l-militar tiegħu irtira mill-artijiet inkwistjoni biex jikkonċentra fuq ir-reġjuni ta’ Luhansk u Donetsk, lejn il-lvant tal-Ukrajna, u fejn hemm preżenza kbira ta’ separatisti li jappoġġjaw lir-Russja.
Il-kummenti tal-Kremlin qed ikunu anki redikolati fir-Russja stess, bl-abbonaturi fil-media soċjali jirreferu għad-disfatti militari tar-Russja bħala ‘għajb għal-pajjiżhom’.
Is-Segretarju tal-Istat Amerikan, Antony Blinken, ukoll qal li l-qawwiet Ukreni għamlu progress sinifikanti f’din il-kontro-offensiva fejn ir-Russi komplew jitilfu ammonti kbar ta’ suldati u tagħmir tal-gwerra. Madankollu, Blinken ma riedx jikkummenta dwar ir-riżultat probabbli tal-azzjonijiet mill-Ukreni.
Fl-istess ħin, u waqt li l-Ukreni qegħdin ikomplu bis-suċċessi fil-kampijiet tal-battalja, hu minnu li r-Russja baqgħet tikkontrolla xi 20 fil-mija tal-Ukrajna mindu l-qawwiet tagħha invadew lil dan il-pajjiż fl-24 ta’ Frar. Dan waqt li l-President Zelensky baqa’ ma żvelax liema bliet u villaġġi Ukreni spiċċaw illiberati mir-Russi waqt il-kontro-offensiva attwali.
//= $special ?>

