Mara ta’ 45 sena minn Ħaż-Żabbar li għandha problema ta’ droga ammettiet li fuq perjodu ta’ sena serqet eluf ta’ ewro fi flus mingħand anzjana ta’ 84 sena, li kienet tmur taħslilha l-art kull ġimgħa bħala pjaċir. Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, li quddiemha tressqet il-mara ordnat biex isem l-akkużata ma jixxandarx sabiex ikunu mħarsa d-drittijiet tat-tfal tagħha.
L-ammont ta’ flus misruqa ma kienx żvelat fil-Qorti anke jekk jidher li dan kien bejn €15,000 u €20,000. Kienu t-tfal tal-vittma li skoprew li qed jonqsu l-flus mill-kont bankarju ta’ ommhom meta talbu lista ta’ tranżazzjonijiet mill-bank. L-anzjana kellha kexxun fl-armarju tagħha b’ċavetta li fih kien hemm il-karta tal-kreditu flimkien mal-pin number.
Kollox jindika li allegatament il-mara kienet tmur għand l-anzjana bl-iskuża biex tgħin lill-anzjana fejn minn investigazzjoni li għamlet il-Pulizija rriżulta li din żammet il-pin code tal-card fuq il-mobile tagħha biex tibqa’ tiftakru. Fl-awla it-tfal tal-vittma qalu li kellhom stima tal-ammont li allegatament insteraq lil ommhom.
Il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest b’diversi kundizzjonijiet fosthom garanzija personali ta’ €20,000. Il-Qorti ordnatielha biex ma tersaqx lejn ir-residenza tal-anzjana li wkoll toqgħod Ħaż-Żabbar. Il-Qorti qalet li ma talbitx depożitu mal-ħelsien mill-arrest ħalli l-akkużata tuża l-flus biex tirrifondihom lill-vittma. Il-Qorti ordnat ukoll biex isir pre-sentencing report mill-uffiċjali tal-probation għax il-mara għandha l-vizzju tad-droga.
//= $special ?>