Lokali

Mistoqsi dwar is-sigurtà fil-lokalitajiet Gafà jgħid li l-poplu għandu fiduċja fil-Korp

Xeni li qed jirrepetu ruħhom ta’ spiss fit-toroq Maltin – f’ċertu lokalitajiet aktar minn oħrajn.

Grupp ta’ persuni jiġġieldu, u jgħajtu, u kultant titfaċċa xi sikkina jew xi mus.

It-tħassib dwar is-sigurtà fost bosta hija ġġustifikata bl-aħħar inċidenti fil-Ħamrun u l-Marsa.

Fl-aħħar ġimgħat, is-Sindku tal-Marsa Josef Azzopardi esprima l-bzonn li r-residenti Marsin jkunu protetti ahjar; u filwaqt li tkellem dwar il-ħtieġa li l-ghassa li tkun miftuha il-hin kollu.

F’okkażjoni rari, il-media kellha quddiemha lill-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà fejn għad-domanda ta’ Net News jekk hux inkwetat bis-sitwazzjoni qal magħna li l-Ewrobarometru jindika li l-poplu qed jafda aktar lill-Korp.

Gafà qal li l-fiduċja tal-poplu titkellem waħedha hekk kif ftit tal-jiem ilu kien ippubblikat stħarriġ tal-Eurobarometer li juri li l-poplu Malti qed jafda aktar lill-Korp tal-Pulizija – fiduċja ta’ 69%, li l-Kummissarju qal li tpoġġi lil pajjiżna fl-istess livelli ta’ pajjiżi oħra Ewropej.

Dwar in-nuqqas ta’ sigurtà, minbarra li tkellmu għadd ta’-residenti tad-diversi lokalitajiet milquta.. tkellmu anki l-unions tal-Pulizija tkellmu dwar il-bżonn ta’  aktar riżorsi umani biex ikunu jistgħu iżommu l-għases għaddejjin.

Intant il-ġurnalisti staqsew ukoll dwar il-fatt li fl-aħħar snin il-Korp ra eżodu ta’ uffiċjali tal-Pulizija li telqu qabel iż-żmien, bil-Kummissarju jgħid li dwar dan kien diġà tkellem.

Intant Angelo Gafà ma weġibx lanqas dwar Ramzi Abukem, li l-Pulizija għadha qed tappella għal informazzjoni dwaru, bis-suspett dejjem jikber li r-raġel irnexxielu jaħrab minn pajjiżna waqt li kien barra fuq bail.

Abukem jinsab imfittex mill-Pulizija bħala wieħed mis-suspettati ewlenin fil-qtil ta’ Mario Farrugia, ir-raġel li nstab bla ħajja fil-bagoll tal-karozza tiegħu stess f’Ħal Qormi fil-5 ta’ April ta’ din is-sena, kif ukoll huwa akkużat bil-qtil ta’ Mahmoud Elmejdi fil-Ħamrun fl-2018.

Dan minbbara li Abukem għandu akkużi ta’ involviment fi tliet każi ta’ serq, waħda fl-2017 u tnejn oħra fl-2019, fejn kien akkużat li seraq lil familja waqt li kien armat, kif ukoll lil tliet persuni oħrajn waqt li kien qed jheddidhom b’sikkina.