Żagħżugħ ta’ 29 sena tilef ħajtu traġikament wara li waqa’ għoli ta’ madwar erba sulari.
Luca Curmi kien f’sit ta’ kostruzzjoni fi Triq Damasku il-Munxar meta waqa’ għal isfel.
L-inċident seħħ għall-ħabta tal-11.30am, u fil-post immedjatament waslu uffiċjali tal-Pulizija sabiex jinvestigaw dak li kien seħħ.
Wasal ukoll tim mediku li sfortuntament ma seta’ jagħmel xejn hekk kif iiż-żagħżugħ ġie ċċertifikat mejjet fil-post.
Dwar dan l-inċident traġiku infetħet inkjesta mill-Maġistrat Brigitte Sultana filwaqt li l-Pulzija għadha għaddejja bl-investigazzjonjiet tagħha.
Curmi hu t-tieni fatalità din il-ġimgħa, u s-seba’ waħda sa mill-bidu tas-sena li seħħew f’sit ta’ kostruzzjoni.
Sigħat wara li ħarġet l-aħbar tat-traġedja, l-awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fil-Post tax-Xogħol, l-OHSA qalet li kienet qed tniedi investigazzjoni dwar x’seta’ wasal għal dan l-inċident.
Intant Heritage Malta, li magħha kien jaħdem iż-żagħżugħ, sellmet lil Curmi li kien impjegat mal-aġenzija bħala Technician.
L-aġenzija tellgħet ritratt taż-żagħżugħ waqt il-ħidma tiegħu fuq id-dar storika Gran Castello propju fil-gżira Għawdxija.
Permezz tal-post, kelliem għal Heritage Malta qal li Luca se jibqa’ mfakkar għall-bżulija tiegħu u għall karattru simpatiku li kellu, u li dejjem kien lest jagħti daqqa t’id lill-kollegi.
Il-Kunsill Lokali tal-Munxar ukoll sellem il-memorja taż-żagħżugħ tar-raħal li tilef ħajtu llum, u offra l-kondoljanzi lill-familja Curmi u lil missier Luca, Paul, li huwa eks sindku tal-lokalità.
//= $special ?>