Qormi Daikin Hockey Club organizzaw is-serata ta’ premjazzjoni fi tmiem l-istaġun 2021/2022 .
Il-premjazzjoni saret fil-kumpless tal-klabb f’Ħal Qormi. Clayton Gatt ingħażel bħala l-plejer tas-sena. Qormi ma rnexxielhomx jirbħu l-kampjonat fl-istaġun li għadda għalkemm kisbu suċċess fil-kompetizzjoni knock-out. Minkejja kollox, dan it-tim għamel unur lil pajjiżna meta rnexxielu jikseb il-promozzjoni għat-tieni diviżjoni tal-Euro Hockey Challenge wara tournament suċċess li sar fit-Turkija.
Fil-Euro Hockey Challenge li kien sar bejn it-2 u l-4 ta’ Ġunju ta’ din is-sena fil-fażi ta’ gruppi wara li Qormi tilfu 1-0 kontra Nizip Zeugma tat-Turkija għelbu lil Kilppari Hockey Club tal-Fillandja 3-2 sabiex fil-fażi finali għelbu wkoll lil Epitok Hockey Club tal-Ungerija 2-1 b’mod li temmew fit-tieni post u kisbu l-promozzjoni.
