Il-Papa Franġisku, fl-aħħar sigħat, sejjaħ għat-tmiem tal-gwerra ‘traġika u bla sens’ li għaddejja fl-Ukrajna u meta hu u l-mexxejja reliġjużi minn madwar id-dinja jinsabu f’dan il-pajjiż ċentrali tal-Asja biex jitolbu għall-paċi internazzjonali.
Din mhix l-ewwel darba li l-Papa appella biex ma jkomplux l-azzjonijiet qattiela fl-artijiet Ukreni u issa hu qed juża avveniment reliġjuż ewlieni biex jenfasizza din it-talba bil-għan li ma taqax aktar fuq il-widnejn torox.
Il-Kap tal-Kattoliċi beda ż-żjara statali ta’ tlett ijiem fil-Kazakhstan b’laqgħa mal-President Każaki Kassym-Jomart Tokayev u fil-preżent qed jipparteċipa fil-laqgħa triennali għad-denominazzjonijiet tal-fidi li hi sponsorjata mill-Kazakhstan.
Għal din il-laqgħa, li tintemm il-Ħamis, qed jattendu ‘il fuq minn 100 delegazzjoni tar-reliġjonijiet Kristjani, Musulmani,Buddisti u tal-Lhud — l-istess bħal tal-gruppi reliġjużi oħrajn minn madwar 50 pajjiż.
Il-laqgħa, jew kungress, hi riflessjoni tal-politika barranija tal-Kazakhstan kif ukoll tal-popolazzjoni multikulturali u multietnika f’dan il-pajjiż li tissimbolizza salib-it-toroq bejn il-Punent u l-Lvant.
Il-Papa, intant, qed ibati mill-aggravazzjoni tal-ligamenti f’irkubtejh u qed ikollu juża l-wheelchair għal ħafna mill-attivitajiet fil-Kazakhstan. Dan waqt li t-tobba qalulu li mhix possibbli għalih li, għalissa, jaqta’ xewqtu u jagħmel żjara qasira fi Kiev, il-kapitali tal-Ukrajna.
Sadanittant, il-Papa, wara l-laqgħat mal-awtoritajiet tal-Gvern Każaki, il-gruppi diplomatiċi u r-rappreżentanti tal-entitajiet reliġjużi, faħħar l-impenn tal-Kazakhstan għall-ħarsien tad-djalogu u d-diversità wara l-għexieren tas-snin tar-ripressjoni Stalinista fi żmien meta l-Kazakhstan kien jifforma parti mill-eks Unjoni Sovjetika.
Il-Kazakhstan jaqsam fruntiera mar-Russja, fid-direzzjoni tat-Trumantanta, kif ukoll maċ-Ċina lejn il-Lvant, minbarra li jiġbor fi ħdanu mal-150 gruppi etniċi. Għaldaqstant, il-Papa enfasizza li l-Kazakhstan għandu jilgħab rwol fundamentali fl-impenji lejn it-tnaqqis tal-konflitti fl-Ukrajna u fi bnadi oħra tad-dinja.
Hawnhekk il-Papa fakkar mill-ġdid li ż-żjara tiegħu fil-Kazakhstan qed issir taħt id-dell tal-gwerra attwali li rriżultat mill-invażjoni, fi Frar, tal-Ukrajna mill-qawwiet tar-Russja.
‘Jien qiegħed hawn biex nirrepeti t-talba ta’ kulmin jgħożż u qed jitlob għall-paċi bit-tama li din tfassal triq essenzjali lejn l-iżvilupp tad-dinja globalizzata fuq il-binarji tal-pożittività u t-tolleranza’, sostna l-Papa.
//= $special ?>

