Internazzjonali

Ir-Renju Unit: It-tebut tar-Reġina jitwassal f’Westminster Hall wara purċissjoni solenni minn Londra

Il-poplu Ingliż,qed iħejji għal purċissjoni ta’ qima minn maġenb it-tebut tar-Reġina Eliżabetta t-Tieni li mietet il-ġimgħa l-oħra u li l-katavru tagħha bħalissa jinsab f’Westminster Hall, f’Londra, bħala parti mit-tradizzjoni magħrufa bħala lying in state.

It-tebut tar-Reġina, aktar qabel kien twassal bl-ajru, minn Edinburgh, fl-Iskozja lejn il-Palazz ta’ Buckingham. Dan wara li  l-poplu Skoċċiż u ċ-ċittadini fl-Irlanda ta’ Fuq  kienu pparteċipaw f’attivitajiet pubbliċi, fosthom mill-aspett reliġjuż, b’rispett għall-memorja tar-Reġina.

Intant, wara nofsinar, il-purċissjoni bit-tebut tar-Reġina telqet minn Buckingham Palace u sigħat wara waslet f’Westminster Hall – l-aħħar destinazzjoni qabel il-funeral statali tat-Tnejn għal Eliżabetta t-Tieni.

Ir-Re Charles III, il-Prinċipijiet William u Harry u membri oħra tal-Familja Rjali kollha mxew wara t-tebut bħala turija simbolika ta’ għaqda. Dan meta t-tebut tmexxa fuq gun carriage tal-King’s Troop Royal Horse Artillery – li hi taqsima tal-Armata Britannika għal waqt okkażjonijiet ċerimonjali u importanti tal-Istat.

Maġenb il-vettura bit-tebut kien hemm ukoll grupp ta’ pall bearers u skorta bil-membri tal-First Battalion Grenadier Guards, waqt li l-membri tal-Pulizija Metropolitana rekbin fuq iż-żwiemel żammew il-formazzjoni fuq quddiemnett u wara tal-purċissjoni.

Is-sigurtà fl-inħawi kienet intensiva, bil-pulizija jħarsu kontimwament ir-rotta indikata għall-purċissjoni.

It-tebut tar-Reġina Eliżabetta, għal din il-purċissjoni, kien imkeffen fil-bandiera magħrufa bħala r-Royal Standard, bil-Kuruna Imperjali tal-Istat jitqiegħed fuq cushion tal-ħarir u fuq it-tebut.

Dan meta  eluf kbar ta’ nies segwew il-purċissjoni solenni fuq kull naħa tar-rotta u b’mod partikulari fiz-zona tal-Albert Embankment. Spikka wkoll iċ-ċapċip fost sezzjonijiet tal-folla, b’ħafna Britanniċi iqabblu dan l-avveniment mal-funeral tal-Prinċipessa Diana ta’ Wales, 25 sena ilu.

Ir-rotta ta’ din il-purċissjoni inkludiet, fost oħrajn, il-Queen’s Gardens, The Mall, il-Horse Guards Arch, Whitehall, Parliament Street, Parliament Square u n-New Palace Yard – bit-tebut jasal f’Westminster Hall ftit wara l-4 pm (ħin ta’ Malta).

Waqt il-purċissjoni, l-artillerija f’Hyde Park u viċin il-Big Ben  sparat salut ftit qabel il-wasla tat-tebut f’Westminster. It-tebut tar-Reġina, imbagħad, tqiegħed fuq pjattaforma u meta bħalissa qed isir servizz qasir biex jikkonkludi din il-fażi tal-programm funebri