Kunsilli Lokali Lokali

Is-Sindku Laburista ta’ Ħal Qormi jesprimi r-rabja tiegħu għan-nuqqas ta’ diċenza li qed turi l-Awtorità tal-Ippjanar

L-Awtorita' tal-Ippjanar

Il-Kunsill Laburista ta’ Ħal Qormi iddeplora bil-qawwa kollha l-mod li bih l-Awtorita’ tal-Ippjanar mexxiet bid-deċiżjoni għall-approvazzjoni ta’ ħruġ ta’ permess sabiex art agrikola fi Triq id-Deheb Fin li tmissa ma’ Triq is-Sajf, Triq Ta’ Farżina u Triq il-Bonċ, tingħata għall-iżvilupp. Bis-Sindku Laburista jikritika bl-aħrax in-nuqqas ta’ diċenza li uriet l-Awtorità f’dan il-każ.

Il-Kunsill ikkundanna l-mod li bih ġie nfurmat bil-laqgħa tal-Bord, permezz ta’ email, datata 13 ta’ Settembru – liema email waslet fl-uffiċċju tal-Kunsill ilbieraħ fit-3.10pm – meta s-Seduta kienet skedata għat-3pm fl-istess ġurnata.

Dan, fi kliem is-Sindku, juri li l-Awtorità tal-Ippjanar lanqas id-dritt bażiku ta’ smiegħ xieraq ma kellha d-deċezna tirrispetta. U stqarr b’mod dirett li din kienet deċiżjoni anti-Kostituzzjonali.

Din mhix l-ewwel darba li Kunsill ġie injorat f’deċiżjonijiet importanti, bil-kontroversji fl-aħħar xhur ma naqsux.

Apparti minn hekk, ħafna Sindki f’diversi partijiet tal-pajjiż ilhom snin jitolbu lill-Gvern biex ifassal pjan serju fejn jidħol l-iżvilupp – għaliex dan qed inaffar il-kwalità tal-ħajja tal-familji u l-anzjani.