Lokali

L-għoli tal-ħajja u l-ambjent iħassbu lill-Maltin

L-aktar fattur li qed iħasseb lill-poplu Malti u Għawdxin bħalissa huwa l-għoli tal-ħajja.

Stħarriġ mifrux fuq il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea imħejji mill-Kummissjon Ewropea juri li ż-żidiet fil-prezzijiet hu fost l-aktar żewġ affarijiet li qed jinkwetaw lill-maltin.

L-istħarriġ jgħid li 52% tal-maltin li wieġbu għall-mistoqsijiet semmew l-għoli tal-ħajja bħala waħda mill-aktar żewġ affarijiet li qed jinkwetawhom, perċentwal li hi qrib il-medja tal-Unjoni Ewropea ta’ 54%.

It-tieni l-aktar ħaġa ta’ tħassib hu l-ambjent u t-tbidl fil-klima, b’24% tal-Maltin isemmuh bħala fattur ta’ tħassib meta mqabbel ma’ 15% – il-medja fl-UE.

Is-sitwazzjoni internazzjonali tħasseb lil 14% tal-Maltin ftit aktar mil-medja ta’ 12%  fl-UE.

Intant, il-kriminalità ukoll qed tħasseb lill-poplu Malti ferm aktar mill-popli l-oħra tal-bloc Ewropew. Dan hekk kif f’Malta 12 minn kull mitt persuna jinsab inkwetat bir-rata ta’ kriminalità… id-doppju tal-medja Ewopea li tinsab fil-livell ta’ 6%.

U filwaqt li 8 minn kull mija fl-UE huma inkwetati dwar l-immigrazzjoni.. anke hawn il-Maltin huma aktar inkwetati mill-bqija tal-Ewropej bi 12% oħra jimmarkaw l-immigrazzjoni bħala waħda mikk-aktar żewġ affarijiet li qed tħassibhom.

8% tal-Maltin isemmu t-tassazzjoni bħala xi ħaġa li tinkwetathom meta fl-UE il-medja hi ta’ 5% u d-dejn tal-Gvern u l-pensjonjiet huma żewġ fatturi oħra li semmew il-Maltin.

9% tal-Maltin semmew id-dejn tal-Gvern bħala fattur preokkupanti u 9% oħra semmew il-pensjonijiet, meta mqabbla mal-medja ta’ s-7% fl-UE.