Il-qawwiet tal-Ukrajna, fl-aħħar sigħat, kienu qed imexxu l-attakki fuq l-ibliet okkupati mis-suldati tar-Russja fir-reġjun tad-Donbas. Dan ukoll meta l-Ukreni komplew jieħdu lura l-kontroll fiz-zoni ta’ pajjiżhom bħala parti minn kontro-offensiva rapida li ilha għaddejja l-ġranet.
Sadanittant, il-qawwiet Russi qed ikomplu jirtiraw mill-inħawi fil-madwar tad-Donbas anki waqt li l-militar Ukren qed jikkonsolida l-aħħar kisbiet militari fir-reġjun ta’ Kharkiv.
Il-President tal-Istati Uniti, Joe Biden, issa, qed jaqbel mal-President Ukren Volodymyr Zelensky li l-qawwiet tal-Ukrajna għamlu kisbiet sinifikanti waqt din il-kontro-offensiva. Iżda Biden wissa wkoll li l-azzjonijiet militari tal-Ukreni għandhom jieħdu fit-tul sabiex wieħed ikun jista’ jara r-riżultati finali.
Madankollu, l-ibliet fir-reġjuni tad-Donbas li ġimgħat ilu kienu waqgħu lir-Russi issa spiċċaw taħt theddida diretta mill-qawwiet Ukreni li qegħdin javvanzaw għal fuqhom bil-mod il-mod.
U s-sitwazzjoni għar-Russi qed tidher pjuttost prekarja meta l-qawwiet tagħha qegħdin jikkonċentraw fuq id-Donbas, li r-Russja kienet ħatfet lill-Ukrajna fl-2014 u fejn hemm ukoll preżenza kbira ta’ ribelli li qed jappoġġjaw lil Moska.
Andrey Marochko, il-kmandant militari tal-hekk-imsejħa Repubblika tal-Poplu ta’ Luhansk – li hi wkoll waħda miż-żewġ provinċji li jikkostitwixxu lid-Donbas – qal li l-ġlied bejn il-qawwiet Russi u s-separatisti armati fuq naħa u t-truppi Ukreni li qegħdin javvanzaw ghal fuqhom, laħaq wasal sal-limiti tat-territorju inkwistjoni.
Min-naħa tiegħu, Serhiy Hayday, il-Kap eżiljat tar-reġjun ta’ Luhansk , irrefera għal battalji oħrajn bejn il-qawwiet Ukreni u t-truppi Russi ftit ‘il hinn minn Lyman u fejn ma eskludiex li dan il-ġlied ikompli fil-ġranet li ġejjin.
//= $special ?>

