“L-Ukrajna hija simbolu ta’ kuraġġ. Jien konvinta li l-Ewropa se tirbaħ, filwaqt li Putin se joħroġ tellief.”
Hekk stqarret il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen meta dalgħodu indirizzat il-Parlament Ewropew fi Strasburgu bid-diskors magħruf bħala ‘State of the Union’ – diskors li għall-ewwel darba fl-istorja sar fl-isfond ta’ gwerra qerrieda, li għaddeja fil-Lvant tal-Ewropa.
Fil-preżenza tal-mara tal-President Zelensky – Olena Zelenska – von der Leyen faħħret il-qlubija tal-Ukreni f’dawn ix-xhur diffiċli.
Liebsa bl-ilwien tal-Ukrajna, il-President tal-Kummissjoni fakkret fir-rispons immedjat u magħqud minn naħa tal-UE quddiem il-kriżi li ġabet magħha l-gwerra fl-Ukrajna.
“Is-sanzjonijiet hawn qedgħin, u hawn se jibqgħu”, qalet von der Leyen.
Hawn, hi ħabbret li l-UE se tagħti €100 miljun għall-iskejjel Ukreni u għall-istudenti li bħalissa għaddejin minn sfidi enormi. Von der Leyen ħabbret ukoll li t-territorju Ukren se jiddaħħal fiz-zona tal-free roaming, filwaqt li l-pajjiż se jingħata wkoll aċċess għas-suq uniku Ewropew.
Von der Leyen se tiddiskuti dan kollu illum stess fi Kiev mal-President Zelensky.
Il-President tal-Kummissjoni fakkret kif bħalissa qed niffaċjaw sfidi kbar għall-ekonomiji tagħna, għall-valuri tagħna, u għall-futur tagħna.
Von der Leyen qalet li ħafna familji bħalissa qed isibuha diffiċli jwasslu sal-aħħar tax-xahar. U huwa għalhekk li l-Kummissjoni qed tressaq miżuri biex tgħin lin-negozji ż-żgħar u lill-familji fil-bżonn – pakkett ta’ €140 biljun ewro.
“Il-flus jridu jmorru lejn dawk verament fil-bżonn”, qalet von der Leyen.
Apparti minn hekk, diġa’ bdew diskussjonijiet biex jitħejja pjan ħalli jonqos il-prezz tal-gass. U ma’ dan, jitfassal benchmark għall-prezzijiet.
“Dawn huma biss l-ewwel passi; qed ninsistu li l-mudell preżenti tas-suq tal-enerġija m’għadux jaħdem għaċ-ċittadini Ewropej”, qalet von der Leyen. Bil-President tal-Kummissjoni tistqarr li din hija tranżizzjoni diġa’ bdiet f’ċertu pajjiżi, u trid tkompli – fost l-oħrajn bl-użu tal-idroġenu.
B’enfasi fuq l-intrapriżi ż-żgħar u s-sidien tal-ħwienet, von der Leyen qalet li l-Kummissjoni qed timbotta l-miżura imsejħa ‘BeFit’ biex tkun ta’ appoġġ għal dawn in-negozji – anqas burokrazija, u inktar inċentivi fiskali.
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea ħabbret li s-sena d-dieħla se tkun dedikata għall-edukazzjoni u x-xogħol, biex jiġu inċentivati l-ħiliet tal-individwi.
Ma naqsitx ukoll li titkellem dwar il-korruzzjoni u l-indipendenza tal-ġudikaturi, fejn insistiet li l-budgets Ewropej se jibqgħu marbuta mal-ħtieġa li l-Gvernijiet iħarsu s-Saltna tad-Dritt.
Fid-diskors quddiem l-MEPs fil-Plenarja ta’ Strasburgu, von der Leyen sellmet ukoll il-memorja tar-Reġina Eliżabbetta II. U faħħret l-għaqal li kien jispikka fi kliemha.
Irriferiet ukoll għall-kriżi tal-immigrazzjoni, u qalet li f’dan ir-rigward hemm bżonn kontroll effettiv tal-fruntieri u fl-istess waqt miżuri dinjitużi li bihom kull pajjiż jista’ juri solidarjetà ma’ dawk fil-bżonn.
Ursula von der Leyen ħabbret li se tkun qed tlaqqa’ Konvenzjoni Ewropea.
Intant, fil-bidu tal-Plenarja, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li kien unur għaliha tintroduċi lil Olena Zelenska – fost l-applaws tal-MEPs preżenti.
“Aħna magħkom, u mal-Ukreni”, insistiet Roberta Metsola.
