Matul il-maratona ‘Il-Missjoni Bżonnok’, organizzata mill-Fondazzjoni U mill-Ġimgħa 9 ta’ Settembru f’nofsinhar sal-bieraħ il-Ħadd f’nofsillejl, inġabret is-somma ta’ €422,535.
Il-flus miġbura se jmorru b’risq familji u tfal li jgħixu fil-faqar u l-miżerja f’pajjiżi tal-missjoni.
Din id-darba l-maratona ġabret flus għal missjunarji fil-Gwatemala, iż-Żambja, l-Indja, il-Kenja, is-Sri Lanka, il-Pakistan, il-Ghana, il-Lebanon u l-Filippini. Matul il-maratona saru bosta kollegamenti diretti ma’ wħud mill-missjunarji Maltin preżenti f’dawn il-pajjiżi.
Il-ġenerożità tal-Maltin u l-Għawdxin waqt il-maratona se tkun qed tgħin ukoll bosta refuġjati Ukreni li sabu kenn f’pajjiżna wara l-bidu tal-gwerra kiefra f’pajjiżhom.
Il-maratona taħseb ukoll għall-iskema taċ-Child Sponsors fejn numru kbir ta’ tfal li jgħixu fil-faqar f’pajjiżi li fihom jaħdmu missjunarji Maltin ikunu megħjuna minn individwi jew familji Maltin għall-ikel, il-mediċini u l-edukazzjoni tagħhom.
F’kumment li ta fi tmiem il-maratona, il-fundatur u direttur tal-Fondazzjoni U, Dun Ġwann Farrugia, irringrazzja lill-Maltin u l-Għawdxin kollha għall-ġenerożità kbira tagħhom u lil dawk kollha li b’xi mod ħadmu biex inġabret is-somma sabiħa ta’ aktar minn €422,000.
Diversi personalitajiet, fosthom l-Arċisqof Charles Scicluna u l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, wasslu l-appell tagħhom matul din ix-xandira. Attendiet ukoll u appellat għall-ġenerożità tal-poplu Malti, il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca.
Il-maratona kienet imxandra matul tlett ijiem sħaħ, inkluż diversi intervisti matul il-lejl, bis-sehem ta’ diversi preżentaturi, fuq diversi stazzjonijiet televiżivi lokali, fosthom Net Television.
//= $special ?>