Lokali

Imnedija l-iskeda ġdida ta’ Net Media

“Għażla varjata li hi aktar qrib in-nies” – Karl Gouder

Se nkunu qed noffru selezzjoni varjata għall-udjenza tagħna, b’għażla vasta u mill-isbaħ kemm fuq Net Television kif ukoll fuq Net FM.

Sostna dan il-Kap tal-Operat ta’ Net Media – Karl Gouder wara li l-Erbgħa waranofsinhar ġiet mnedija l-iskeda tax-Xitwa li se tkun qed tibda fis-26 ta’ Settembru, skeda li mhux biss se tersaq aktar qrib in-nies iżda wkoll toffri għażla vasta lill-klijenti tal-istazzjon. 

Huwa insista li din is-sena l-programmi fuq il-media ta’ Net se jkunu qed jersqu aktar qrib it-telespettaturi u s-semmiegħa b’aktar telefonati u opportunitajiet fejn ikunu jistgħu jesprimu l-opinjoni tagħhom.

Fuq Net Television, mit-Tnejn sal-Ġimgħa, Stephanie Chircop tkun magħkom bil-programm Bejnietna fis-12:45, fl-16:20 Josef Bonello se jkun qed jippreżenta magazine programme ..isegwi Net Live b’diskussjonijiet dwar affarijiet kurrenti.

Ma jonqsux aktar programmi ta’ affarijiet kurrenti fosthom Profili u Magħkom kif ukoll programmi li jitrattaw l-ambjent, fosthom il-programm NATURAlment.

Dan filwaqt li l-Ġimgħa filgħaxija se jkun qiegħed jixxandar programm ta’ diskussjoni li jġib l-isem ta’ Opinjoni.

Matul il-ġimgħa filgħaxija kuljum se jkun imżewwaq bi programmi u teledrammi fosthom ir-reality show Coast is Clear u d-drama Ulied il-Lejl u Żerniq.

Kif ukoll programmi li jitrattaw materji soċjali fosthom Persjani Mbexxqa u Frekwenzi.

Fi tmiem il-ġimgħa tirritorna Eileen Montesin flimkien mal-familja tagħha bil-programm Family Affair li jżommu l-kumpanija lill-udjenza b’kant, logħob u divertiment…flimkien ukoll ma’ drama ġdida Ara Doris! matul il-jum tas-Sibt filwaqt li l-Ħadd iwaslulkom throwback drama.

Is-Sibt filgħaxija jixxandar, Superstiti, programm ġdid ta’ logħob u divertiment. Dan filwaqt li l-Ħadd filgħaxija jixxandru d-dokumentarji, il-Ħemda u Teżori taħt in-Navi.

L-isport jibqa’ highlight fl-iskeda ta’ Net Television bil-programmi Replay, Replay Live Score u Replay preview ippreżentati minn Christian Micallef filwaqt li l-ġurnalist Charles Camenzuli jagħlaq 25 sena iwasslilkom programmi tal-isport, din id-darba jirritorna bil-programm Sport Extra.

Intant Meander jirritorna fuq it-televiżjoni għat-28 sena konskuttiva flimkien ukoll ma’ programm satiriku ġdid…FUQ 3  u r-ritorn tal-preżentatriċi Marbeck Spiteri fuq it-televiżjoni bil-programm il-Ħadd kmieni waranofsinhar, Pranzu.