Lokali Qorti

Raġel akkużat b’serq minn karozzi jinżamm arrestat

Raġel ġie mixli, b’aktar arresti mistennija li jsiru fil-jiem li ġejjin, wara investigazzjoni tal-pulizija dwar serqiet riċenti minn karozzi fil-Marsa u Ħal Qormi. F’kawża quddiem il-maġistrat Victor Axiak, l-Ispetturi Andy Rotin u Mark Cremona akkużaw lil Abdulhamid Saied ta’ 42 sena li fit-30 u l-31 ta’ Awwissu li għadda sgassa żewġ karozzi fil-Marsa, u seraq minnhom flus kontanti u oġġetti tal-elettronika.

Huwa kien akkużat ukoll li sar reċediv. Saied, ċittadin Libjan li l-pulizija qalu li bħalissa kien bla residenza, qal lill-Qorti li kien jaħdem bħala kaħħal, iżda bħalissa kien bla xogħol. Waqt li wieġeb il-mistoqsijiet biex tiġi stabbilita l-identità tiegħu, huwa qal lill-Qorti li ma kienx jaf jekk il-ġenituri tiegħu kinux ħajjin jew mejta u kien ilu ma jarahom 10 snin.

Ir-raġel ġie mixli b’żewġ akkużi ta’ serq aggravat u bi ksur meta daħal fi propjetà. L-avukat tiegħu, VIctor Bugeja, informa lill-Qorti li r-raġel se jkun qed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi. “Biex inkun ċar, ma niftakarx x’ġara,” qal l-akkużat. L-Ispettur Mark Cremona spjega x’wassal għall-arrest tar-raġel, u qal lill-Qorti li l-pulizija kienet qed tinvestiga numru ta’ serq minn karozzi u identifikat numru ta’ individwi, wieħed minnhom kien l-akkużat.

Inħareġ mandat għall-arrest tiegħu u ġie arrestat. Saied ma weġibx mistoqsijiet waqt l-interrogazzjoni, żied jgħid l-ispettur, li esebixxa ritratti tas-CCTV li, qal, juru lill-akkużat iwettaq ir-reati. F’dan l-istadju ma ntalbitx il-libertà proviżorja u Saied inżamm arrestat.