Futbol Sport

UEFA Champions League: Milan jirbħu f’San Siro

Juventus isofru t-tieni telfa fi Grupp H

Grupp E :

Milan 3-1 Dinamo Zagreb

F’San Siro, Milan għelbu lil Dinamo Zagreb 3-1 biex issa għandhom erba’ punti minn żewġ logħbiet.  

Bilanċ assolut matul l-ewwel taqsima sal-mument li Milan fetħu l-iskor. Fit-43 minuta foul ta’ Josip Sutalo fuq Rafael Leao. Jesus Gil saffar penalty b’Oliver Giroud jgħeleb lil Dominik Livakovic. 1-0 sa tmiem l-ewwel taqsima. B’Milan fuq l-offensiva fis-47 minuta minn azzjoni ta’ Leao kien Alexis Saelemaekers li rdoppja. Għaxar minuti wara iżda Dinamo naqqsu l-iskor wara li minn pass ta’ Bruno Petkovic kien Mislav Orsic li għeleb lil Mike Maignan. Fis-77 minuta kien Tommaso Pobega li minn azzjoni ta’ Theo Hernandez għamel l-iskor 3-1 u ssiġilla r-rebħa għar-Rossoneri.

Chelsea 1-1 Salzburg

Mill-istess grupp Chelsea kienu miżmuma minn Salzburg fi draw ta’ 1-1.

Fil-konfront bejn Chelsea u RB Salzburg rajna partita dominate mil-Blues, madankollu ħadd ma irnexxielu jsib ix-xibka fl-ewwel 45 minuta. Chelsea reġgħu ħarġu offensivi fit-tieni taqsima u sabu ix-xibka permezz ta’ Raheem Sterling fit-48 minuta b’xutt fil-baxx. Salzburg kisbu d-draw fil-75 minuta bil-gowl ta’ Noah Okafor.

Grupp A:

Rangers 0-3 Napoli

Bit-tieni rebħa minn daqstant partiti Napoli saħħew posthom fl-ewwel post fil-klassifika.0-0 sa tmiem l-ewwel taqsima. Fil-55 minuta foul ta’ James Sands fuq Giovanni Simeone. Penalty għal Napoli b’Sands jitkecca wara li kien ammonit għat-tieni darba. Ta’ l-penalty Piotr Zielinski iżda Allan McGregor salva. Fit-68 minuta Borna Barisic deher li lagħab b’idu fil-kaxxa. Antonio Mateu saffar it-tieni penalty għal Napoli b’ Matteo Politano jgħeleb lil McGregor. Ebda reazzjoni minn Rangers b’Napoli jirduppjaw fil-85 minuta b’gowl minn Giacomo Raspadori minn azzjoni ta’ Mathias Olivera. Fil-ħin miżjud Napoli skorjaw mill-ġdid permezz ta’ Tanguy Ndombele minn pass ta’ Zambo Anguissa.

Grupp F:

Real Madrid 2-0 Leipzig

Fil-logħba bejn Real Madrid u RB Leipzing rajna logħba ddominata mill-Madrileni fil-pussess tal-ballun pero Leipzig kienu ta’ sfida kbira għal Los Blancos. Fl-ewwel taqsima ma rajniex gowls għal-ebda tim minkejja li ż-żewġ timijiet kellhom tnax il-xutt bejniethom. Fit-tieni taqsima Real Madrid sabu il-gowl tant mistenni tagħhom permezz tal-midfielder Federico Valverse. Real Madrid irdoppjaw il-vantaġġ fil-91 minuta permezz ta’ Marco Asensio.

Shakhtar Donetsk 1-1 Celtic

Riżultat li jiddeskrivi r-ritmu tal-logħba fejn rajna logħba bilanċjata bejn miż-żewġ timijiet, partita li ntlagħabet fil-Polonja minħabba l-invażjoni Russa fl-Ukrajna.

Celtic fetħu l-iskor wara għaxar minuti logħob permezz ta’ awto goal mid-difensur Ukren Artem Bodnarenko madankollu Shakhtar Donetsk sabu l-goal tad-draw fid-29 minuta permezz ta’ Mykhailo Mudryk b’xutt b’saħħtu mix-xellug minn pass ta’ Heorhii Sudakov.

Grupp G:

FC Copenhagen 0-0 Sevilla

Copenhagen u Sevilla kisbu l-ewwel punt tagħhom fi Grupp G hekk kif fil-Parken Stadium spiċċaw fi draw ta’ mingħajr gowls. Sevilla ddominaw il-pusses tal-ballun tul il-kors tal-partita tant li kellhom 61 fil-mija tal-pusses kontra d-39 tad-Daniżi.

Iż-żewġ difiżi kienu attenti ferm u dan jixhed fix-xuttijiet lejn il-lasti fejn iż-żewġ timijiet kellhom biss żewġ xuttijiet kull wieħed lejn il-lasti avversarji bl-iskor jibqa dak ta’ 0-0.

Manchester City 2-1 Borussia Dortmund

Fl-Etihad Stadium, Manchester City ma ddiżappuntawx biex għelbu lil Borussia Dortmund 2-1.Goal tal-eks Haaland minuti minn tmiem il-partita kien biżżejjed għal Manchester City biex jirbħu konfront delikat kontra avversarju dirett għall ewwel post fil-grupp.

Minkejja li Manchester City kellhom aktar pussess mill-avversarji, b’xi mod id-difiża ta’ Borussia u wisq aktar Alexander Meyer żammew l-iskor intatt 0-0 sa tmiem l-ewwel taqsima. Andament differenti fit-tieni taqsima l-aktar wara li fis-56 minuta minn azzjoni ta’ Marco Reus kien Jude Bellingham li għeleb lil Ederson. Pressjoni minn Manchester City li fit-80 minuta kisbu l-gowl tad-draw permezz ta’ John Stones li minn azzjoni ta’ Kevin de Bruyne għeleb lil Alexander Meyer. Erba’ minuti wara minn pass ta’ Joao Cancelo kien l-eks Borussia , Erling Haaland li għeleb lil Meyer biex poġġa lil Mancheser City fil-vantaġġ u finalment tagħhom it-tliet punti.

Erling Haaland jiskorja gowl spettakolari kontra l-eks tim tiegħu Borussia Dortmund (Ritratt: EPA)

Grupp H :

Juventus 1-2 Benfica

It-tieni telfa għal Juventus li esponiet fil-beraħ bosta problemi li Massimiliano Allegri qed ikollu biex iżomm formazzjoni stabbli.

Wara biss erba’ minuti Juventus marru fil-vantaġġ permezz ta’ Arkadiusz Milik li minn azzjoni ta’ Leandro Paredes għeleb lil Odysseas Vlachidimos. Bil-logħob ikun maqsum, fl-44 minuta għal foul ta’ Fabio Miretti fuq Goncalo Ramos, Benfica ingħataw penalty mgħoti u skorjat minn Joao Mario li għeleb lil Mattia Perin. L-istess Joao Mario u Perin spiċċaw ammoniti wara battibekk bejniethom mal-gowl tad-draw. Fil-55 minuta kien David Neres li poġġa lil Benfica fil-vantaġġ meta minn pass ta’ Rafa Silva għeleb lil Perin.

Maccabi Haifa 1-3 Paris SG

Fil-konfront l-ieħor minn dan il-Grupp l-ewwel taqsima kienet mimlija sorpriżi hekk kif Maccabi Haifa fetħu l-iskor wara 25 minuta permezz ta’ gowl ta’ Tjaronn Chery. Għaddew biss għaxar minuti u Lionel Messi skurja gowl klassiku min fuq il-lemin sabiex kiseb id-draw għal Paris SG. Paris reġgħu skurjaw fit-68 minuta sabiex kisbu l-vantaġġ permezz ta’ Kylian Mbappe. Fit-88 minuta PSG għamluhom tlieta pemezz ta’ gowl ta’ Neymar.

Riżultati:

Grupp A:

Rangers 0-3 Napoli

Grupp E:

Milan 3-1 Dinamo Zagreb

Chelsea 1-1 Salzburg

Grupp F:

Shakhtar Donetsk 1-1 Celtic

Real Madrid 2-0 RB Leipzig

Grupp G:

Copenhagen 0-0 Sevilla

Manchester City 2-1 Borussia Dortmund

Grupp H:

Juventus 1-2 Benfica

Maccabi Haifa 1-3 Paris SG