Lokali Qorti

Fastidju sesswali minn sid ta’ ħanut tal-merċa

Sid ta’ ħanut tal-merċa, Eritrean ta’ 27 sena residenti l-Ħamrun ingħata ordni ta’ probation għal żmien tliet snin wara li ammetta li kellu relazzjoni sesswali ma’ mara mingħajr kunsens fil-ħanut tiegħu. Quddiem il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia Jemal Abubeker Hilafu ammetta li fi Frar li għadda f’ħanut fl-istess lokalita ta’ fejn joqgħod ikkommetta att ta’ natura sesswali mingħajr kunsens fuq mara.

Huwa ammetta wkoll li offenda l-pudur u l-morali b’għemil li sar f’post pubbliku u espost għall-pubbliku fuq il-vittma. Kien akkużat ukoll li għamel ġesti sesswali fosthom bil-kliem u mossi offensivi, umiljanti u degrandanti u intimidatorji lejn il-mara.

Iż-żagħżugħ, li ngħata ċ-ċans jerġa’ jikkunsidra l-ammissjoni bikrija tiegħu, xorta waħda ammetta l-akkużi anke meta kien imwissi li l-piena massima għal dawn l-akkużi hija ta’ seba’ snin ħabs. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti, qieset li ammetta fi stadju bikri, li ilu Malta disa’ snin u għandu l-kondotta netta. Qieset ukoll li m’għandu ebda vizzji u lanqas għandu problemi ta’ saħħa. Qieset ukoll li kkkopera mal-pulizija.

Min-naħa tiegħu, l-Uffiċjal tal-Probation, qal li l-aspetti pożittivi f’ħajtu għandhom jibqgħu kkonsolidati u li element ta’ kura u kontroll jistgħu jkunu benefiċjali permezz ta’ supervizjoni sabiex fost l-oħrajn jagħraf li ċertu ċirkustanzi mhumiex permess fil-kultura Maltija. Issuġġerrixa li jingħata ordni ta’ probation.

Min-naħa tagħha, il-Qorti, qablet mas-suġġeriment tal-Uffiċjal tal-Probation u qalet li dan kien inċident iżolat u l-imputat iddispjaċih għal dak li għamel. Il-Qorti wissiet lil ħati bi kliem ċar jekk huwa jikkommetti reat ieħor matul dan il-perjodu ta’ Probation jew jekk jonqas illi jsegwi xi waħ da mill-kundizzjonijiet stipulati fl-Ordni tal-Probation, huwa jkun jista’ jigi ikkundannat għar-reat li għalih giet magħmula l-Ordni.

Huwa esprima r-rieda tiegħu li jikkonforma mal-ħtigijiet ta’ din l-Ordni. Għaldaqstant waqt li sabitu ħati poġġietu taħt ordni ta’ probation għal żmien ta’ tliet snin. Hija ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma għal tliet snin. Il-prosekuzzjioni tmexxiet mill-Ispettur Andy Rotin.