L-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u r-Ristoranti, l-MHRA ċanfret lis-Sindku tal-Belt Valletta Alfred Zammit talli prova jqarraq b’kummenti skorretti fil-media dwar l-impatt tal-mużika tard bil-lejl fil-kapitali.
L-Assoċjazzjoni li tirrappreżenta lir-ristoranti u l-lukandi qalet li filwaqt li tissapportja l-kunċett ta’ attività kummerċjali fil-Belt, il-mod kif dan qed iseħħ qed jissarraf fi ħsara kbira fejn jidħol it-turiżmu li qed jagħżel li joqgħod il-Belt għall-btala.
Dan minħabba l-livelli għoljin ta’ storbju li qed ikun permess sas-sigħat bikrin ta’ filgħodu.
L-MHRA qalet li skont informazzjoni li għandha, is-sitwazzjoni tkun l-agħar fi tmiem il-ġimgħa.
L-Assoċjazzjoni qalet li dawn qed ikunu kkaratterizzati minn mużika għolja madwar il-kapitali kollha.
Dan l-istorbju qed iwassal għal ħafna ilmenti u talbiet għal kumpens minn turisti li jkunu qed joqgħodu f’lukandi fil-Belt.
L-MHRA saħqet li l-istil ta’ kif qed jopera s-settur tad-divertiment preżentament fil-Belt Valletta taħt għajnejn is-Sindku Belti huma ta’ kontradizzjoni sħiħa ma’ kif suppost qed tkun preżentata lit-turisti li jżuruha.
Dan hekk kif mal-istakeholders tat-turiżmu kien intlaħaq qbil li l-Belt Valletta kienet se tkun destinazzjoni high end madanakollu l-MHRA sostniet li b’dak li qed jiġri dan l-aħħar ċertament l-immaġini tal-Belt Valletta qed tiddeterjora.
Għaldaqstant l-Assoċjazzjoni appellat lill-Gvern sabiex jissospendi b’mod immedjat il-legal notice…u jerġa’ jevalwa s-sitwazzjoni sabiex id-divertiment fil-qalba tal-Belt ikun verament xieraq.
L-MHRA appellat ukoll għal pjan ħolistiku li jissodisfa kemm lill-komunità kummerċjali kif ukoll lir-residenti tal-Belt Valletta.
//= $special ?>