Sport Sport Ieħor

Il-Kumitat Olimpiku Malti jħabbar il-Kummissjoni tal-Atleti

Il-Kumitat Olimpiku Malti ħabbar il-Kummissjoni l-ġdida tal-Atleti li ġiet eletta wara sejħa għal nominazzjonijiet fost atleti li ilhom jikkompetu fuq livell Nazzjonali fi sport li huwa parti mill-Programm Olimpiku, matul dawn l-aħħar tliet snin.

Il-Kummissjoni Atleti, li se tokkupa din il-kariga għal perjodu ta’ erba’ snin, tikkonsisti minn Eleanor Bezzina bħala Chairperson, Matthew Abela u Sascha Genovese.

Il-Kummissjoni tal-Atleti hija rappreżentata fl-Assemblea Ġenerali tal-KOM minn żewġ membri tagħha. Waqt il-Laqgħa tal-Kunsill tal-KOM, li saret f’Ġunju,  Eleanor Bezzina u Matthew Abela kienu preżenti. Bezzina tirrappreżenta wkoll lill-Kummissjoni fuq il-Bord Eżekuttiv tal-KOM.

Il-Kummissjoni diġà kienet attiva f’diversi fora, l-ewwel waħda kienet ir-rappreżentanza fil-11-il Forum tal-Atleti Ewropej fi Brussell. Il-Forum li għaliħ attendiet Sascha Genovese kellu l-għan li jiddiskuti u jikkunsidra kwistjonijiet relatati mal-atleti u li jipprovdi pariri lill-Kumitati Olimpiku Nazzjonali; jimpenja ruħu b’mod attiv ma’ inizjattivi u proġetti li jipproteġu u jappoġġaw atleti nodfa fuq u barra l-qasam tal-logħob u jaġixxu bħala l-kuntatt ewlieni mal-Kummissjoni tal-Atleti tal-IOC.

Genovese ingħaqdet ma’ atleti minn diversi pajjiżi mill-Ewropa fejn ddiskutew id-diffikultajiet li ltaqgħu magħhom il-Kummissjonijiet rispettivi tagħhom u qasmu fehmiet dwar kif jistgħu jtejbu l-attivitajiet li jsiru mill-Kummissjonijiet biex isaħħu l-vuċi tal-atleti.