Magdalena Andersson irriżenjat minn Prim Ministru tal-Iżvezja wara li l-Gvern li kienet qed tmexxi tilef l-elezzjoni ġenerali tal-Ħadd.
Sigħat qabel, Andersson kienet aċċettat it-telfa b’mod formali u liema stqarrija kienet segwita bl-istqarrija tar-riżenja.
Il-koalizzjoni taċ-ċentru-xellug ta’ Andersson qed tidher li għandha titlef l-elezzjoni fil-konfront ta’ grupp ta’ partiti tal-lemin u meta hu kważi lest il-proċess tal-għadd tal-voti.
Ir-riżultat finali għandu jkun ikkonfermat wara recount u meta l-partiti tal-lemin għandhom 176 siġġu kontra l-173 għall-koalizzjoni ta’ Andersson. Dan wara li sal-aħħar sigħat kienu ngħaddew 99 fil-mija mill-voti mitfugħin.
Il-Kap tal-Partit Moderat tal-Iżvezja, Ulf Kristersson, issa mistenni li jifforma Gvern ġdid li għandu jinkludi lill-partit radikali tal-lemin bl-isem Demokratiċi Żvediżi. Dan il-partit kien mexxa l-kampanja tiegħu fuq politika għall-kontroll tal-gangs li qegħdin jinfexxu fil-vjolenza fl-ibliet tal-Iżvezja.
Sadanittant, din it-telfa elettorali qed titqies bħala daqqa ta’ ħarta kbira għas-Soċjal Demokratiċi ta’ Andersson. Ir-riżultat hu partikularment diffiċli għal dan il-partit għax irnexxielu jżid fuq il-voti li kien kiseb fl-aħħar elezzjoni u fejn jibqa’ l-akbar partit fl-Iżvezja.
Madankollu, is-sistema tal-bloc politics tibqa’ is-sistema li tiddeċiedi min għandu jmexxi lill-pajjiż skont il-kostituzzjoni tal-Iżvezja u li jfisser li l-poter se jkun f’idejn il-grupp tal-lemin grazzi għall-maġġoranza bħala kollettiv.
//= $special ?>

