“Mill-Indipendenza sal-Ewropa.”
Din hija tema li se tkun diskussa l-Ġimgħa flimkien mal-Membru Parlamentari Ewropew David Casa, fejn f’kummenti lil Net News spjega magħna dak li se tkun qed tikkonsisti din id-diskussjoni.
“Dibattitu li se jkun qed jitkellem dwar il-perjodu li għaddiet minnu Malta mill-Indipendenza sal-Ewropa u allura tajnih aspett Ewropew, tajnih ukoll aspett nazzjonali għax l-Indipendenza hija l-ikbar festa li pajjiż għandu jiċċelebra, għaliex li kieku ma sirniex indipendenti ma konniex nistgħu nidħlu fl-Unjoni Ewropea.
Se jkollna diversi mistiedna, mhux neċessarjament ġejjin mill-Partit Nazzjonalista, imma nies li huma validi, nies li studjaw is-suġġett, nies li huma viċin ħafna l-aspettativi tal-poplu Malti u Għawdxi u naħseb li din se tkun okkażjoni oħra, attività oħra li tingħaqad mal-attivitajiet kollha li se jagħmel il-PN, naħseb li se nilħqu l-aspettativi mhux biss tan-Nazzjonalisti imma tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.”
It-taħdita se tkun qed tibda fis-7.30pm u se tkun qed issir fil-Ġonna ta’ Hastings fil-Belt Valletta.
Il-Ħadd imbagħad fil-11am se jkun qed tittella’ laqgħa Politika, fil-Każin tal-PN tan-Naxxar, filwaqt li t-Tnejn laqgħa oħra fis-7pm se tkun qed tittella’ fil-Każin tas-Siġġiewi. Dawn iż-żewġ laqgħat se jkunu indirizzati mill-Kap tal-PN, Bernard Grech.
Lejliet l-Indipendenza, fl-20 ta’ Settembru, attività bit-Tema insellmu lil Malta Indipendenti, fejn se jkun qed jitwassal diskors mill-Kap tal-PN Bernard Grech.
L-attività se tkun qed tibda’ fit-8pm u se tkun qed issir madwar il-Monument tal-Indipendenza fil-Floriana, ftit passi ‘l bogħod minn fejn saret l-ewwel ċerimonja ta’ Malta Indipendenti fl-1964.
//= $special ?>