Internazzjonali

Renju Unit: Il-poplu Britanniku jkompli bit-tislima lir-Reġina…Żmien ta’ riflessjoni għal Karlu u l-Familja Rjali

Il-belt kapitali ta’ Renju Unit fil-preżent qed tara sriebet enormi tan-nies li qegħdin jistennew l-opportunità biex isellmu lill-memorja tar-Reġina Eliżabetta huma u mexjin minn ħdejn it-tabut tagħha fil-Palazz ta’ Westminster.

Fil-fatt, ill-purċissjoni ma taqta’ xejn tan-nies u ammiraturi tal-Familja Rjali fl-aħħar sigħat kienet iġġebbed mit-tarf taz-zona ta’ Tower Bridge li hu tliet mili ‘il bogħod minn Westminster.

In-nies ilhom jistennew is-sigħat għall-privileġġ li jimxu minn qrib it-tebut li se jibqa’ lying in state fil-Palazz sal-jum tal-funeral tar-Reġina, nhar it-Tnejn, id-19 ta’ Settembru.

Wara ġimgħa mill-aktar impenjattiva ta’ attività u avvenimenti reliġjużi – fost il-programm ta’ żjarat fl-Iskozja, l-Irlanda ta’ Fuq u Wales – ir-Re l-ġdid Karlu III u l-membri l-oħra tal-Familja Rjali issa se jkollhom żmien ta’ riflessjoni qabel il-funeral tat-Tnejn, bl-attenzjoni bħalissa qed taqa’ fuq il-folol tan-nies li qegħdin jagħtu tislima xierqa lir-Reġina li rrenjat għal 70 sena.

Il-folol qed jispikkaw tul is-southern bank tax-Xmara Thames saz-zoni tal-London Bridge u Tower Bridge. Dan meta ttella anki video stream tat-tebut tar-Reġina f’Westminster Hall għal kulmin irid jassisti għall-avvenimenti bil-mezzi virtwali.

Dan hu wkoll żmien ta’ tibdil ċerimonjali relatat mat-tradizzjonijiet tal-Familja Rjali, bil-bandiera ewlenija tal-monarkija, magħrufa bħala r-Royal Standard, mgħadhiex qed tittajjar fuq il-Palazz ta’ Buckingham minħabba li r-Re Charles jinsab lura fir-residenza tiegħu f’Highgrove, fi Gloucestershire.

Ir-Re Karlu, fl-aħħar sigħat, ma kellu l-ebda impenji jew attivitajiet uffiċjali iżda xorta qed jirċievi t-telefonati mingħand il-mexxejja tad-dinja li qegħdin jesprimu l-kondoljanzi dwar it-telfa ta’ ommu, ir-Reġina.

Minbarra dan, Karlu diġà beda jiffamiljarizza ruħu mal-protokolli rjali u l-ħidma relatata għat-tranżizzjoni fil-monarkija li hi proċess awtomatiku wara l-mewt tar-Reġina.

Min-naħa tagħhom il-Prinċep William ta’ Wales u martu, il-Prinċipessa Kate ta’ Wales fl-aħħar sigħat marru f’Sandringham biex jaraw il-bukketti u arranġamenti tal-fjuri li ttellgħu fl-inħawi għall-memorja tar-Reġina. Il-Prinċep William, sa ftit ilu d-Duka ta’ Cambridge, issa hu l-ewwel eredi għat-tron tar-Renju Unit skont il-kriterji tas-suċċessjoni rjali.

Mistenni wkoll li millum sal-Ħadd ikomplu jitħabbru d-dettalji dwar il-funeral Statali tar-Reġina Eliżabetta.