Wara li saritlu pressjoni biex jirriżenja minn Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Edukazzjoni, issa Frank Fabri ngħata kariga ġdida – dik ta’ General Manager fl-Istitut għall-Istudji fit-Turiżmu, l-ITS.
Fabri kien irriżenja ftit tal-ġimgħat wara li l-Ministru Justyne Caruana wkoll kienet irreżenjat minn Ministru, b’rabta mal-iskandlu tal-kuntratt ta’ €15,000 li kien ngħata lil seħibha Daniel Bogdanovic.
Kien Fabri stess li ffirma għal dan il-kuntratt.
Ir-riżenji ta’ Fabri u Caruana waslu wara rapport maħrug mill-Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika, George Hyzler, li kien sab li l-għotja ta’ dan il-kuntratt wassal għal ksur ta’ etika.
Issa, ftit tax-xhur wara dan kollu, lil Fabri instablu xogħol ġdid fi ħdan l-ITS.
Intant, b’reazzjoni għal din l-aħbar, il-UPE, il-Union tal-Edukaturi Professjonisti, ħarġet stqarrija li fiha tesprimi t-tħassib tagħha dwar il-kariga li ngħata Fabri.
Il-UPE qalet li wara li Fabri kien sfurzat jirriżenja mill-Ministeru, issa eduakturi fl-ITS qed jibżgħu li l-eks Segretarju Permanenti se jħalli legat negattiv ukoll fuq l-Istitut tat-Turiżmu.
Is-sena li għaddiet, il-UPE kienet preżentat pudina lil Frank Fabri biex tissimbolizza li hu kien ‘għamel pudina’ meta pprova jimmina direttivi li kienet tat il-union stess lill-membri tagħha.
//= $special ?>