Budget 2023 Ekonomija Lokali

BUDGET: Iż-żieda għall-għoli tal-ħajja se tkun inqas minn €10

Waqt it-tnedija għad-Dokument ta’ Qabel il-Budget, il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana ħabbar li ż-żieda għall-għoli tal-ħajja se tkun inqas minn €10 fil-ġimgħa iżda aktar minn €9.

Clyde Caruana qal li f’pajjiżi oħra “l-għoli tal-ħajja qed ikisser in-nies”.

Il-Ministru tal-Finanzi, filwaqt illi stqarr li “il-pandemija hi parti mill-istorja”, insista li l-ekonomija qed tikber. “Din mhux se tkun ġirja ta’ 100 metru – din se tkun maratona”, qal il-Ministru Caruana.

Clyde Caruana qal li d-dejn tal-pajjiż se jibqa’ fil-livell ta’ 60 fil-mija, filwaqt li l-Gvern għandu żbilanċ ta’ 5.8 fil-mija.

Fl-istess waqt, stqarr li l-Gvern se joqgħod attent mill-ispiża tiegħu. Iżda imkien ma kkonferma minn fejn se jqaċċat mill-ispiża. “Il-Gvern se joqgħod attent, se jiġbor dak li għandu jiġbor, iżda mhux se jkollna dejn li ma nifilħux”, qal il-Ministru.

Interessanti l-fatt li l-konsultazzjoni għall-Budget qed tibda f’nofs Settembru – pjuttost tard meta imqabbel ma’ dak li kien jiġri fis-snin passati.